Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Mill-ġdid fil-pjazza!  L-Evanġelju tal-lum (Mark 1,29-39) jippreżentalna l-fejqan, minn Ġesù, ta’ omm il-mara ta’ Pietru u mbagħad ta’ tant morda u batuti oħrajn li resqu lejh.  Dak ta’ omm il-mara ta’ Pietru hu l-ewwel fejqan fiżiku li jirrakkuntalna Marku: il-mara kienet fis-sodda bid-deni; l-atteġġjament u l-ġest ta’ Ġesù magħha huma emblematiċi: “Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha” (v. 31), jinnota l-evanġelista.  Hemm tant ħlewwa f’dan l-att sempliċi, li jidher ħaġa naturali: “Id-deni ħallieha u bdiet isservihom” (ibid.).  Is-setgħa ta’ Ġesù li jfejjaq ma ssib ebda reżistenza: u l-persuna mfejqa terġa’ lura għall-ħajja normali, u mill-ewwel tibda’ taħseb fl-oħrajn u mhux fiha nfisha – u dan hu ta’ tifsir kbir, hu sinjali ta’ “saħħa” vera!

Dakinhar kien is-Sibt.  In-nies tal-villaġġ jistennew inżul ix-xemx u mbagħad, meta l-ħin tal-obbligu tal-mistrieħ jintemm, joħorġu u lil Ġesù jeħdulu lill-morda kollha u l-imxajtnin.  U Hu jfejjaqhom, imma lix-xjaten ma jħallihomx jikxfu li Hu huwa Kristu (vv. 32-34).   Sa mill-bidu għalhekk Ġesù juri l-preferenza tiegħu lejn min qed ibati fil-ġisem u fl-ispirtu: Ġesù jippreferi joqrob lejn il-persuni li qed isofru kemm fil-ġisem u wkoll fl-ispirtu.  Hi l-preferenza tal-Missier, li Hu qed jinkarna u jimmanifesta bl-għemil u bil-kelma.  Id-dixxipli tiegħu huma xhieda li raw b’għajnejhom, raw dan kollu u mbagħad taw xhieda tiegħu.  Imma Ġesù ma riedx li huma jkunu biss spettaturi tal-missjoni tiegħu: involvihom, bagħat lilhom ukoll, tahom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten (cfr Matt 10,1; Mark 6,7).  U dan baqa’ jitwettaq bla waqfien mill-Knisja, sal-lum.  U dan hu importanti.  Li nieħdu ħsieb il-morda ta’ kull xorta mhux “attività ta’ għażla” għall-Knisja, le.  Mhux xi aċċessorju, le.  Il-kura tal-morda ta’ kull xorta tifforma parti integrali mill-missjoni tal-Knisja, bħalma kienet għal Ġesù.  U dil-missjoni hi li twassal it-tenerezza ta’ Alla lill-umanità li ssofri.  Dan se jfakkarulna minn hawn u ftit jiem oħra, il-11 ta Frar, il-Jum Dinji tal-Morda.

Ir-realtà li qed ngħixu fid-dinja kollha minħabba l-pandemija tagħmel dal-messaġġ, dil-missjoni essenzjali tal-Knisja, attwali ħafna.  Leħen Ġob, li jidwi fil-liturġija tal-lum, għal darb’oħra, isir interpretu tal-kundizzjoni umana tagħna, tant għolja fid-dinjita – il-kundizzjoni umana tagħna ferm għolja fid-dinjità – u fl-istess waqt tant dgħafja.  Quddiem dir-realta dejjem tqum il-mistoqsija: “Għaliex?”

U għal dil-mistoqsija Ġesù, il-Verb Inkarnat, ma jweġibx bi spjegazzjoni – għal din il-mistoqsija “għaliex” aħna tant għolja fid-dinjità u l-kundizzjoni tagħna hi tant dgħajfa, Ġesù ma jweġibx bi spjegazzjoni -, imma bil-preżenza ta’ mħabbtu li jmil, li jaqbad lil dak li jkun minn idu u jqajmu, kif għamel ma’ omm il-mara ta’ Pietru (cfr Mark 1,31).  Tmil biex terfa’ lill-ieħor.  Ma ninxewx li l-uniku mod li jiswa biex inħarsu lejn persuna minn fuq għal isfel hu meta aħna nnewlu idna biex ngħinuha tqum.  U din hi l-missjoni mogħtija lill-Knisja minn Ġesù.  Iben Alla ma jurix is-Sinjorija tiegħu minn fuq għal isfel, mhux mill-bogħod, imma billi jmil, inewwel idu; juri s-Sinjorija tiegħu bil-qrubija, bil-tenerezza, bil-ħniena.  Il-qrubija, it-tenerezza, il-ħniena huma l-istil ta’ Alla.  Alla joqrob lejna bit-tenerezza u bil-ħniena.  Kemm drabi naqraw fl-Evanġelji li quddiem problema ta’ saħħa jew quddiem kull tip ta’ problema oħra: “ġietu ħniena”.  Il-ħniena ta’ Ġesù tħawwel għeruqha fir-relazzjoni intima mal-Missier.  Għaliex?  Qabel iżernaq u wara l-għabex, Ġesù kien jinqata’ għalih waħdu u kien jibqa’ jitlob waħdu (v. 35).  Minn hemm kien jikseb il-qawwa biex iwettaq il-ministeru tiegħu, jipprietka u jfejjaq.

Il-Verġni Mqaddsa tgħinna nħallu lil Ġesù jfejjaqna – dejjem neħtiġuh dan, ilkoll kemm aħna – ħalli min-naħa tagħna nkunu nistgħu nsiru xhieda tat-tenerezza li tfejjaq, ta’ Alla.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Dal-ġranet qed insegwi bi preokkupazzjoni kbira s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-Myanmar, pajjiż li miż-żmien li kont mort inżuru ‘l hawn fl-2017, għadni ngħozz f’qalbi.  F’dan il-mument daqstant delikat nixtieq niżgura mill-ġdid li jien qrib spiritwalment, li nitlob u jien solidali mal-poplu tal-Myanmar.  U nitlob sabiex kull min għandu xi responsabbiltà fil-pajjiż ikun disponibbli bis-sinċerità għas-servizz tal-ġid komuni, billi jaħdem għall-ġustizzja soċjali u l-istabbiltà nazzjonali, ħalli (fil-pajjiż) issaltan il-konvivenza armonjuża.  Nitolbu għall-Myanmar.  (Waqt ta’ skiet).

Nixtieq nagħmel appell favur il-minuri migranti li ma jkunux akkumpanjati.  Huma bosta!  Sfortunatament fost dawk li għal raġunijiet diversi jkollhom jitilqu mill-patrija tagħhom dejjem ikun hemm tfal u adoloxxenti waħedhom, mingħajr familja u miftuħin għal-ħafna perikli.  F’dawn il-ġranet qaluli bis-sitwaazzjoni drammatika ta’ dawk li jinsabu f’dik li tissejjaħ “ir-rotta balkanika”.  Imma hemm minnhom fir-rotot kollha.  Inqisu illi lil dawn il-ħlejjaq dgħajfa u bla difiża qatt ma tonqsilhom il-kura li għandhom dritt għaliha u li jinfetħulhom toroq umanitarji preferenzjali.

Illum fl-Italja qed tkun iċċelebrata l-Ġurnata għall-Ħajja.  Ningħaqad mal-isqfijiet taljani biex infakkar li l-libertà hija r-rigal kbir li Alla tana biex infittxu u niksbu l-ġid personali u tal-oħrajn, ibda mid-don primarju tal-ħajja.  Għandna ngħinu lis-soċjetà tagħna biex tfejjaq f’kulħadd l-attakki fuq il-ħajja, ħalli din tkun imħarsa f’kull fażi tagħha.  U ppermettuli nżid tħassib ieħor tiegħi: ix-xitwa demografika taljana.  Fl-Italja naqas it-twelid u l-ġejjieni jidher fil-periklu.  Nagħmlu tagħna dil-preokkupazzjoni u nagħmlu ħilitna biex din ix-xitwa demografika tintemm u twarrad rebbiegħa ġdida ta’ tfal subjien u bniet.

Għada, tifkira liturġika ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, reliġjuża mis-Sudan li ġarrbet l-umiljazzjonijiet u t-tbatijiet tal-jasar, ikun iċċelebrat il-jum ta’ talb u riflessjoni kontra n-negozjar tal-persuni umani.  L-għan ta’ dis-sena hu li ssir ħidma favur ekonomija li ma tiffavorix, anqas indirettament, dan it-traffikar bla ġieħ, jiġifieri  ekonomija li lir-raġel u lill-mara qatt ma tirrendihom merċa, oġġett, imma li tkun ta’ fejda għalihom.  Servizz lir-raġel u lill-mara imma qatt ma nużawhom bħala merċa.  Nitolbu lil Santa Ġużeppina Bakhita biex tgħinna f’dan.

U nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini: inħossni kuntent nerġa’ narakom fil-pjazza, anki dawk li jiġu dejjem, is-sorijiet spanjoli li hawn, li huma bravi, dejjem, xita u xemx dejjem hawn!  U wkoll liż-żagħażagħ tal-Immakulata … lilkom ilkoll.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos