B’responsabbiltà lejn is‑saħħa tal‑poplu Malti fiż‑żmien ta’ pandemija, il‑Knisja f’Malta u Għawdex mhix ser torganizza pellegrinaġġi, purċissjonijiet u manifestazzjonijiet matul ir‑Randan u l‑Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is‑sena.  

Il‑Knisja tħeġġeġ lill‑poplu Nisrani biex matul ir‑Randan jisma’ l‑Kelma ta’ Alla, jinġabar fit‑talb u jagħmel karità. Il‑Knisja timpenja ruħha biex permezz tad‑diversi entitajiet tagħha tipprovdi opportunitajiet biex il‑poplu Nisrani jkun jista’ jagħmel dan.

Il‑Knisja se tibqa’ tevalwa s‑sitwazzjoni tas‑saħħa pubblika u aktar ’il quddiem toħroġ direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l‑liturġija tat‑Tridu tal‑Għid.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iħeġġu lil kulħadd biex inkomplu nosservaw id‑direttivi għall‑ħarsien tas‑saħħa biex tassew nieħdu ħsieb xulxin.