It-Tnejn, il-Papa żar il-kwartieri ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġnus Maqgħuda f’Ruma biex jitkellem f’isem il-popli dwar id-dritt fundamentali tal-ikel. Id-direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Patri Ġiżwita Federico Lombardi tkellem dwar dan fil-programm Octava Dies, waqt li analiżża ir-raġunijiet għala l-Papa kien se jieħu sehem f’dan is-summit dinji dwar is-sigurta fl-ikel.

Il-kelliemi għall-Vatikan irrefera għal frażi minn Caritas in Veritate fejn intqal: “Hu għaldaqstant meħtieġ li tkun ikkultivata l-kuxjenza pubblika li tikkunsidra l-ikel u l-aċċess għall-ilma bħala drittijiet universali għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni jew diskriminazzjoni”.

F’dan id-dokument, żied Patri Lombardi, il-Papa “jenfasiżża l-fatt li d-dritt għall-ikel hu essenzjali biex jiggarantixxi l-ewwel u l-iktar dritt bażiku, li huwa d-dritt għall-ħajja”. Kompla: “Iva, minħabba li wieħed jew imut bil-ġuħ jew bil-għatx, jew jekk ma jmutx, jgħix biss nofs ħajja”.

Is-summit, qal id-direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, “qed isir f’xenarju fejn it-tali traġedja qed tintesa ta’ spiss”.

B’referenza għal dak li qal il-Papa fl-enċiklika tiegħu, Lombardi kompla jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp fl-ifqar pajjiżi, u dan billi jiġu involuti kemm posibbli l-komunitajiet lokali, billi l-persuna umana tinżamm fiċ-ċentru tal-iżvilupp”.