Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’din il-katekeżi ta’ qabel tal-aħħar fuq it-talb se nitkellmu fuq il-perseveranza fit-talb. Hija stedina, anzi kmand li ġej mill-Iskrittura Mqaddsa. Il-mixja spiritwali tal-Pellegrin Russu tibda meta jaħbat ma’ frażi ta’ San Pawl fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin: “Itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox” (5:17-18). Il-kelma tal-Appostlu tolqtu lil dak ir-raġel u jistaqsi kif inhu possibbli jitlob bla waqfien, meta l-ħajja tagħna hi maqsuma f’tant mumenti differenti, li mhux dejjem iħalluk tikkonċentra. Minn din il-mistoqsija tibda t-tiftixa tiegħu, li twasslu biex jiskopri dik li tissejjaħ it-talba tal-qalb. Din tikkonsisti f’li jtenni b’fidi: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, ħenn għalija midneb!”. Talba sempliċi, imma wisq sabiħa. Talba li, ftit ftit, tadatta ruħha għar-ritmu tan-nifs u titwessa’ għall-ġurnata kollha. Fil-fatt, in-nifs ma jieqaf qatt, lanqas waqt li nkunu reqdin; u t-talb hu n-nifs tal-ħajja.
Allura kif inhu possibbli li nkunu dejjem f’qagħda ta’ talb? Il-Katekiżmu joffrilna kwotazzjonijiet mill-isbaħ, meħuda mill-istorja tal-ispiritwalità, li jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ talb kontinwu, li jkun il-fulkru tal-ħajja Nisranija. Ħa naqbad xi wħud minnhom.
Jistqarr ir-raħeb Evagrju Pontiku: “Ma ġejniex ordnati naħdmu, nishru u nsumu bla heda – le, ma ġejniex mitluba dan –, waqt li hu liġi għalina li nitolbu bla heda” (n. 2742). Il-qalba tat-talb. Mela hemm dik il-ħerqa fil-ħajja Nisranija, li m’għandha qatt tonqos. Hi xi ftit bħal dak in-nar qaddis li kien jinżamm jaqbad fit-tempji tal-qedem, li kien jixgħel bla waqfien u li s-saċerdoti kellhom id-dmir li jżommuh imkebbes. Araw: irid ikun hemm nar qaddis fina wkoll, jaqbad il-ħin kollu u xejn ma jista’ jitfih. U mhux faċli, imma hekk irid ikun.
San Ġwann Kriżostmu, ragħaj ieħor attent għall-ħajja konkreta, kien jipprietka hekk: “Tistgħu titolbu ta’ spiss u bil-ħerqa wkoll jekk tkunu s-suq, jew waqt passiġġata waħedkom. Ukoll jekk tkunu fil-ħanut, waqt li tixtru jew tbigħu, u wkoll waqt li ssajru” (n. 2743). Talbiet qsar: “Mulej, ħenn għalina”, “Mulej, għinni”. Mela, it-talb hu bħal linja tan-noti mużikali, fejn aħna nqiegħdu l-melodija ta’ ħajjitna. Mhuwiex f’kuntrast mal-ħidma tal-ħajja ta’ kuljum, ma jidħolx f’kontradizzjoni mal-ħafna obbligi u appuntamenti; jekk xejn, hu l-post fejn kull azzjoni terġa’ ssib is-sens tagħha, l-għaliex tagħha, il-paċi tagħha.
Bla dubju, li nqiegħdu fil-prattika dawn il-prinċipji mhuwiex faċli. Omm u missier, imħabbtin b’elf ħaġa, jafu jħossu nostalġija għal perjodu f’ħajjithom fejn kien faċli jsibu waqfiet żgħar u spazji ta’ talb. Imbagħad, l-ulied, ix-xogħol, il-faċendi tal-ħajja tal-familja, il-ġenituri li jixjieħu… Wieħed jieħu l-impressjoni li mhu sa jirnexxilu qatt ilaħħaq ma’ kollox. Allura nagħmlu sew naħsbu li Alla, Missierna, li jieħu ħsieb tal-univers kollu, dejjem jiftakar f’kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, aħna wkoll irridu naħsbu fih dejjem!
Nistgħu mbagħad niftakru li fil-monakiżmu Nisrani x-xogħol dejjem inżamm f’post ta’ ġieħ, mhux biss minħabba fid-dmir morali li nipprovdu għalina nfusna u għall-oħrajn, imma anki minħabba dik l-għamla ta’ bilanċ, bilanċ interjuri: il-bniedem ikun jirriskja meta jrawwem fih interess tant astratt li jitlef il-kuntatt mar-realtà. Ix-xogħol jgħinna nibqgħu f’kuntatt mar-realtà. L-idejn tal-monaku magħquda fit-talb iġorru fuqhom il-kallijiet ta’ min jaf jaqbad pala u mgħażqa. Meta, fil-Vanġelu ta’ Luqa (ara 10:38-42), Ġesù jgħid lil Santa Marta li l-unika ħaġa li tassew hi meħtieġa hi li tisma’ lil Alla, bl-ebda mod ma jrid jiddisprezza l-ħafna servizzi li kienet qed twettaq b’tant bżulija.
Fil-bniedem kollox hu “binarju”: ġisimna hu simetriku, għandna żewġt idriegħ, żewġ għajnejn, żewġ idejn… Hekk anki x-xogħol u t-talb huma kumplimentari għal xulxin. It-talb – li hu n-“nifs” ta’ kollox – jibqa’ bħall-isfond tal-ħajja tax-xogħol, anki fil-mumenti li fihom mhux espliċitu. Hi ħaġa li ma tixraqx lill-bniedem li tant jogħdos fix-xogħol li ma jsibx iżjed ħin għat-talb.
Fl-istess waqt, mhix sana talba li hi barranija għall-ħajja. Talba li taljenana mill-konkretezza tal-ħajja ssir spiritwaliżmu, jew, agħar minn hekk, ritwaliżmu. Niftakru li Ġesù, wara li wera lid-dixxipli l-glorja tiegħu fuq il-muntanja Tabor, ma riedx itawwal iżjed dak il-mument ta’ estasi, imma niżel magħhom mill-muntanja u reġa’ qabad il-mixja ta’ kuljum. Għax dik l-esperjenza kellha tibqa’ fil-qlub bħala dawl u qawwa tal-fidi tagħhom; anki dawl u qawwa għall-jiem li kienu qed joqorbu: dawk tal-Passjoni. Hekk, il-ħinijiet iddedikati biex wieħed joqgħod ma’ Alla jżommu l-fidi ħajja, li tgħinna fil-konkretezza tal-ħajja, u l-fidi, min-naħa tagħha, isseddaq it-talb, bla waqfien. F’din iċ-ċirkularità bejn fidi, ħajja u talb, jinżamm imkebbes in-nar tal-imħabba Nisranija li Alla jistenna minna.
U ħa ntennu t-talba sempliċi li hi ħaġa tant sabiħa li ngħiduha ta’ spiss matul il-jum, ilkoll flimkien: “Mulej Ġesù, Bin Alla, ħenn għalija midneb”.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard