Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Skoċċiża, il-Kardinal Keith Patrick O’Brien qal li mhux ser jattendi għall-Konklavi fil-Vatikan għax ma jixtieqx li l-attenzjoni tal-media tkun fuqu, iżda fuq il-Papa Benedittu XVI u s-suċċessur tiegħu. Aktar kmieni huwa rtira mill-kariga tiegħu ta’ Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh fl-Iskozja. Rapporti fil-media internazzjonali allegaw li rtira minn din il-kariga fid-dawl ta’ allegazzjonijiet, li huwa jiċħad, ta’ imġiba mhux flokha fil-konfront ta’ qassisin oħra fis-snin tmenin. Dwar ir-riżenja tiegħu, il-Kardinal O’Brien qal li ftit tax-xhur ilu, kif kien qed joqrob l-età ta’ 75 sena, u meta qies il-kundizzjoni ta’ saħħtu, huwa offra r-riżenja minn Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh.
Intant, intqal li l-Papa Benedittu XVI iddeċieda li din ir-riżenja tidħol fis-seħħ illum. Il-Papa mistenni jaħtar Amministratur Appostoliku biex jieħu responsabbiltà tal-Arċidjoċesi sakemm jinħatar Arċisqof ieħor.
Il-Kardinal O’Brien qal li meta jħares lura lejn il-ministeru tiegħu, huwa jirringrazzja lil Alla tal-ġid li għamel, u jitlob apoloġija lil kull min hu seta weġġa’. Qal ukoll li fiċ-ċirkostanzi preżenti, huwa ser jitlob mal-Kardinali u għalihom, biex imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, jagħmlu l-għażla t-tajba għall-ġid tal-Knisja.