Il-Papa Benedittu XVI talab lill-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, il-Kardinal Gianfranco Ravasi, sabiex ikun hu li jmexxilu l-irtir tar-Randan bejn is-17 u t-23 ta’ Frar. Il-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano, irrappurtat li l-kardinal se jkun qed jiffoka fuq l-arti tat-talb u l-fidi – ‘Ars orandi, ars credendi’, b’attenzjoni partikolari fuq il-wiċċ divin u l-wiċċ uman fit-talb tas-salmi. Il-Papa Benedittu u uffiċjali għolja mill-Kurja ta’ Ruma normalment jissospendu l-iskeda normali tagħhom mill-ewwel Ħadd tar-Randan wara nofsinhar, sas-Sibt ta’ wara filgħodu. Minflok l-impenji normali, huma jiltaqgħu kull għodwa u anki wara nofsinhar għal talb, adorazzjoni ewkartistika u meditazzjonijiet mill-predikatur nominat.
Il-Kardinal Ravasi qal lill-Osservatore Romano li se jkun qed jibda jirrifletti dwar il-verbi relatati mat-talb: li tieħu n-nifs, li taħseb, li tissielet, li tħobb.