Konkatidral ta’ S. Ġwann

20 ta’ Jannar 2013

Ħuti l-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil Mons. Scicluna għal dawk il-kliem sbieħ li qalilna biex jintroduċina għal din il-quddiesa. U llum nixtieq ukoll nirringrazzja lil-komunita’ Nisranija talli talbet għalija f’mument fejn iddgħajjift. Jiena dak iż-żmien kont għamilt patt mal-Mulej. Għidtlu: Mulej, jekk inti kuntent bis-sitt snin li għamilt, tagħtiniex saħħa, nerġa’ mmur lura l-kunvent, imma jekk tridni li jiena nkompli, tini s-saħħa. U allura naħseb nista’ ngħid li l-Mulej reġa’ urieni sinjal u jien inqiesha din bħala t-tieni sejħa biex naqdi lil-Knisja Maltija u lil-poplu Malti fit-triq lejn il-Mulej. U għalhekk sabiħ li aħna wkoll f’din il-ġurnata se nagħmlu dak li s-soltu nagħmluh propju fil-festa tal-Kandlora, jiġifieri hawnhekk għandna ħafna kappillani se jiġu jagħtuni l-paċi biex imbagħad ixerduha fost id-diversi parroċċi li aħna għandna f’Malta. U jiena naħseb li tajjeb li l-lezzjonijiet tal-lum neħduhom bħala dawl – Kandlora hija dawl – dawl li l-Mulej qiegħed jagħtina f’din l-ġurnata biex ikompli jħeġġiġna fil-mixja tagħna.

Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Is 62, 1-5) aħna sibna kliem fuq id-dinjità tagħna. Qed jitkellem Isaija f’isem il-Mulej u l-l-kliem li kien hemm kienu: “Għaxqti fikom.” Aħna lkoll, ħuti, lanqas temmen li aħna l-għaxqa tal-Mulej. Daqshekk iħobbna u daqshekk niswew, u daqshekk iehor għandna nagħtu rispett lil xulxin u lil kull bniedem. Ikompli jgħid: “Jien illum għarrastek miegħi”. Aħna bħala komunità l-għarusa tal-Mulej li jħobbna b’imħabba speċjali. Din hija r-realtà, ħuti, u aħna rridu nibnu l-ħajja kollha tagħna spiritwali li trid tibda l-ewwelnett minn dan il-kliem ħalli nagħrfu l-kobor tagħna għalkemm aħna dgħajfin u kultant niżbaljaw. Imma l-Mulej ma jinbidilx, jibqa’ jgħidilna lil kull wieħed u waħda minna: int l-għaxqa tiegħi, int bħala parti mill-poplu, l-għarusa tiegħi u aħna nibdew il-mixja spiritwali mhux minn nuqqasijiet tagħna imma minn din il-viżjoni li Alla l-Imbierek għandu lejn kull wieħed u waħda minna. X’ferħ kbir li inti tgħaraf li quddiem Alla, hekk qed jarak.

It-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmel hija fuq dak li rajna fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 2, 1-12): Ġesù li għamel miraklu fit-tieġ ta’ Kana. Kien hemm dawn iż-żewġt għarajjes u kellhom problema, ma kienetx l-akbar fost il-problemi, imma kienet problema għax naqsilhom l-inbid u allura kienu se jumiljaw ruħhom quddiem il-mistednin li kellhom. U Ġesu kien hemm flimkien ma’ Marija, ċeda dan l-ewwel miraklu għal Marija. L-ewwel qalilha: “Mara, għada ma waslitx is-siegħa” biex jenfazizza dak li ried jgħidilna li l-ewwel miraklu għamlu bl-interċessjoni ta’ Marija.

U allura it-tieni riflessjoni: Aħna rridu nħallu lil-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ma jistax ikun li aħna ninsewh, ħuti. Hu jrid jidħol fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hemm diversi modi. Wieħed minnhom nistgħu ngħidu huma s-sagramenti, għax is-sagramenti x’inhuma? M’huma xejn ħlief il-ħajja li ngħixu bħala bnedmin, aħna ngħixuha fil-grazja tal-Mulej li jidħol f’ħajjitna. Jekk aħna nitwieldu, nitwieldu fil-Mulej fil-Magħmudija; jekk aħna niżbaljaw fil-ħajja tagħna, nitwieldu mill-ġdid fil-Mulej permezz tal-maħfra tiegħu fis-sagrament tal-penitenza. Jekk aħna nkunu morda, aħna nerġgħu ikollna l-grazzja tal-Mulej fil-mard tagħna biex jikkonslana, bis-sagrament tal-grizma tal-morda. Mela n-nisrani ma jistax iħalli lil Mulej jimxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum jekk ma jorbothiex ma’ dawk il-grazzji kbar li l-Mulej poġġa fis-sagramenti tiegħu.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum (1Kor 12, 4-11), għandna kelma li rridu nagħmluha. Smajna lil S Pawl lghid lill-Korintin u lilna, ħaġa li ghalina kważi kważi tidher daqsxejn stramba. Il-Mulej jagħti d-doni tiegħu lil kull wieħed u waħda minna għall-ġid tal-komunità. Għal kull wieħed u waħda minna! U allura rridu nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni: x’inhu d-don li l-Mulej tani biex jien naqdi lil-komunità? Mhux id-doni personali biss, dawk importantissmi, imma d-doni li tani għall-komunità, jiġifieri qed jgħidilna dik li hija l-binja tal-komunità, hija mwaqqfa permezz tad-doni ta’ kull wieħed u waħda minna. Mhux il-ġerarkija, l-Isqof jew is-saċerdoti, imma ta’ kull wieħed u waħda minna. U aħna rridu nemmnuha ħuti, u rridu dejjem iktar f’dinja li qegħdin ngħixu li kultant tkun diffiċli, aħna rridu naraw id-doni tagħna u noffruhom lil-Knisja.

Is-Salm Responsorjali (S 95) tal-lum kien Salm li jaghtina dawl għalfejn qegħdin hawn bħala komunità. “Agħrfu lil popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej!” Aħna qegħdin hawnhekk biex l-ewwel induqu l-għeġubijiet tal-Mulej li għamel fil-ħajja tagħna għax aħna ngħarfuh lil Mulej u nitolbuh. Imma mbagħad il-Mulej – ippermettuli l-kelma- se juża’ dawn l-għeġubijiet li għamel magħna biex aħna ngħadduhom lill-ħaddieħor u ħaddieħor jemmen. L-għeġubijiet! Ħuti, tiftakru li fil-Vanġeli qatt ma sar miraklu jekk miegħu ma kienx hemm maqgħud ix-xhieda tal-Mulej ħalli l-oħrajn jemmnu. U aħna wkoll rridu nemmnu din il-ħaġa. L-għeġubijiet li għamel il-Mulej. Is-salm responsorjali semma’ ħafna għeġubijiet li jista’ jagħmel il-Mulej. L-importanti imma li l-Mulej jagħtina dawn l-għeġubijiet mhux għalina biss imma għaliex permezz tagħna irid jilħaq lil ħaddieħor.

Din hija l-Knisja ta’ l-ewwel żmienijiet, ħuti, u din hija l-Knisja li aħna rridu nibnu llum f’isem il-Mulej. Jalla l-Mulej jagħti, lil kull wieħed u waħda minna u lili wkoll is-saħħa u l-grazzja biex dan inwettquh.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta