Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-liturġija tal-lum Ġesù jkompli jipprietka lil dawk in-nies li kienu raw il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż.  Hu jistedinhom biex jagħmlu qabża ta’ kwalità: wara li rċevew il-manna, li biha Alla tema’ lil missirijiethom tul il-mixja twila fid-deżert,  issa japplika s-simbolu tal-ħobż għalih innifsu.  Jgħid ċar u tond: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6, 48)

Xinhi t-tifsira tal-ħobż tal-ħajja?  Il-ħobż hu meħtieġ għall-għejxien.  Min hu bil-ġuħ ma jitlobx ikel fin u għali, jitlob il-ħobż.  Min hu bla xogħol ma jitlobx pagi enormi, imma l-ħobż li jtih l-impjieg.  Ġesù juri ruħu bħala ħobż, jiġifieri dak li hu essenzajali, il-meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum, mingħajr Ġesu ma niffunzjonawx.  Mhux xi ħobż bħal ħafna ħobż ieħor, iżda il-ħobż tal-ħajja.  Fi kliem ieħor, aħna mingħajru mhux ħajja jkollna imma tqanċiċ ta’ ħajja: għaliex Hu biss imantni ‘l ruħna, Hu biss jaħfrilna l-ħażen li waħedna ma nistgħux ngħelbu,  permezz tiegħu biss inħossuna maħbubin anki jekk kulħadd iqarraq bina, Hu biss itina l-qawwa biex inħobbu, Hu biss itina l-forza li naħfru fid-diffikultajiet, Hu biss jagħti l-paċi li qed tfittex qalbna, Hu biss jagħti l-ħajja ta’ dejjem meta l-ħajja ta’ hawn isfel tintemm.  Hu l-ħobż essenzjali tal-ħajja.

Hu jgħid: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja.  Nieqfu ftit fuq din l-immaġni ta’ Ġesù.  Seta’ qagħad jirraġuna, wera xi ħaġa, imma – nafuha – Ġesù jitkellem bil-parabboli, u f’din l-istqarrija: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja” jiġbor verament fi ftit kliem dak kolllu li hu u l-missjoni kollha tiegħu.  Dan jidher fil-milja tiegħu fl-aħħar, fl-Aħħar Ikla.  Ġesù jaf li l-Missier mhux qed jitolbu biss biex jitma’ lin-nies, iżda li jagħti lilu nnifsu, li jqassam lilu nnifsu, ħajtu, laħmu, qalbu, biex aħna jkollna l-ħajja.  Dal-kliem tal-Mulej jerġa’ jixgħel fina l-istagħġib għad-don tal-Ewkaristija.  Ħadd fid-dinja, iħobb kemm iħobb li xi persuna oħra, ma jista’ jsir ikel għaliha.  Alla dan għamlu, u għadu jagħmlu għalina.  Ejjew inġeddu dan l-istagħġib.  Nagħmlu hekk billi naduraw il-Ħobż tal-ħajja, għax l-adorazzjoni timla qlubna bl-istaħaġib.

Iżda fl-Evanġelju, minflok staħġbu, in-nies skandalizzaw ruħhom, qattgħu ħwejjiġhom.  Bdew jgħidu: “Lil dan Ġesù aħna nafuh, nafu l-familja tiegħu, kif jista’ jgħid: Jien hu l-ħobż li ġej mis-sema?” (cfr vv. 41-42).  Forsi aħna wkoll niskandalizzaw ruħna: ikun aktar komdu għalina Alla li jibqa’ hemm fuq, fis-sema, bla ma jindaħal f’ħajjitna, ħalli aħna nkunu nistgħu mmexxu affarina hawn isfel.  Iżda Alla sar bniedem biex ikun fid-dinja b’mod konkret, Alla sar bniedem għalija, għalik, għalina lkoll, biex jitwaħħad ma’ ħajjitna.  U kulma għandna f’ħajjitna jinteressah.  Nistgħu nirrakkuntawlu l-imħabbiet tagħna, ix-xogħol, il-ġurnata, l-uġigħ, il-qtigħ il-qalb, tant affarijiet.  Nistgħu ngħidulu kollox għax Ġesù jixtieq ikollu din l-intimità magħna.  X’ma jixtieqx?  Li jkun imwarrab u jsir kontorn – Hu li hu l-ħobż – li jisfa traskurat u mitfugħ fil-ġenb, jew li nduru lejh biss meta jkollna bżonnu.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.  Talaqnas darba kuljum niltaqgħu biex nieklu flimkien; forsi filgħaxija, fil-familja, wara ġurnata xogħol jew studju.  Ikun sabiħ li qabel naqsmu l-ħobż, nistiednu lil Ġesù, il-ħobż tal-ħajja, bis-sempliċità nitolbuh ibierek dak li nkunu wettaqna u dak li ma jkunx irnexxielna nagħmlu.  Nistednuh id-dar, nitolbu bi stil “domestiku”.  Ġesù jkun fuq il-mejda magħna u l-ġuħ tagħna jinqatgħalna b’imħabba ferm akbar.

Il-Verġni Marija, li fiha l-Verb sar bniedem, tgħinna nikbru jum wara ieħor fil-ħbiberija ma’ Ġesù, ħobż tal-ħajja.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili individwali.  Insellem partikolarment lill-grupp tal-pastorali maż-żgħażagħ minn Verona, lill-adoloxxenti minn Crevalcore, kif ukoll lill-adoloxxenti minn Scandiano u dawk tad-djar sależjani mit-Triveneto li ġew Ruma bir-roti.  Bravi, nifirħilkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħsġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos