Il-Papa Benedittu XVI qal li l-Assoċjazzjoni Tereżjana hija “idea tajba” u qal li jitlob il-barka tal-Madonna fuq l-isforzi li jsiru “għal qawmien tar-ruħ nisranija u umana fid-dinja tal-edukazzjoni”. Dan kien il-messaġġ li l-Kap tal-Knisja Kattolika wassal lill-Assoċjazzjoni Tereżjana, permezz tas-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Tarcisio Bertone fl-okkażjoni tal-100 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha. L-Assoċjazzjoni twaqqfet fi Spanja minn San Pedro Poveda fl-1911. Il-grupp tal-lajċi llum jaħdem fi tletin pajjiż. Fuq l-ispiritwalita ta’ Santa Tereża t’Avila, il-membri jgħixu ta’ lajċi ordinarji, ifittxu li jkunu l-melħ u d-dawl tad-dinja.
Il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI jitkellem dwar l-Assoċjazzjoni bħla ‘idea tajba’ li tagħti nifs ta’ tiġdid lill-ħajja nisranija u lill-missjoni ġeneruża ta’ evanġelizzazzjoni u umanizzazzjoni ta’ diversi setturi”.
Il-messaġġ ikompli li l-fundatur poġġa din l-ispirazzjoni fil-prattika “b’diterminazzjoni, b’ġentilezza u b’kompetenza”.
Il-Papa stieden lill-parteċipanti tal-Assemblea sabiex “iġeddu bil-ferħa l-impenn lejn kultivazzjoni tal-preżenza ta’ Kristu fil-qalb tagħhom, Kristu li Santa Tereża kienet tiddeskrivih bħala ‘l-ikbar għalliem tal-ħwejjeġ spiritwali’, u dan sabiex ħajjithom tkun ta’ eżempju għad-dinja u dak li jagħmlu jipproġetta d-dawl t’Alla fuq kull bniedem”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal lijitlob biex iċ-ċelebrazzjonijiet tal-100 sena anniversarju jħallu l-frott “fil-ħidma ta’ qawmien spiritwali fil-qasam edukattiv, kulturali u fil-promozzjoni ħolistika tal-persuna”.
Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi,il-Kardinal Stanislav Rylko, ukoll bagħat messaġġ tal-okkażjoni lill-Assemblea. Fih fakkar fl-idea tal-fundatur għal Assoċjazzjoni li fil-promozzjoni tar-relazzjoni bejn il-fidi u l-kultura, tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-persuna u anki għal bidla fis-soċjeta, bil-għan li din tkun aktar ġusta u solidali, imnebbħa mill-istess valuri tal-Vanġelu.