Libya happenings

Il-Papa Benedittu XVI għamel appell urġenti lill-mexxejja politiċi u militari sabiex jipproteġu s-sigurta taċ-ċivili u jiggarantixxu li jħallu tidħol l-għajnuna umanitarja fil-Libja. Huwa qal li fl-aħħar jiem kien preokkupat ħafna bl-aħbarijiet li waslu mil-Libja u ħassu “inkwetat u mnikket” tant li anki fl-esperjenza tal-irtir annwali tar-Randan – jew kif magħrufa, l-Eżerċizzi Spiritwali – iddedika ħafna ħin għal riflessjoni u talb b’solidarjeta spiritwali mal-poplu tal-pajjiż tal-Afrika ta’ fuq.

Fl-indirizz tiegħu tal-Ħadd, il-Papa indirizza direttament lil dawk li għandhom responsabbiltajiet politiċi u militari u qal li qed isegwi bir-reqqa kull żvilupp fil-ġrajjiet li qed jikkaratterizzaw il-ħajja ta’ kuljum fil-Libja, speċjalment minn kemm ilhom li bdew l-attakki mill-forzi f’koalizzjoni kontra dawk tal-Kurunell Moammar Gaddafi.

Il-Papa qal li f’din is-sitwazzjoni drammatika, qed jitlob bil-għan li “l-paċi u l-ftehim jirrenjaw fuq il-Libja u r-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq b’mod sħiħ”.

Sadattant, l-Isqof Giovanni Martinelli, ta’ Tripli, ikkritika d-deċiżjoni, fi kliemu “mgħaġġla”, li tittieħed azzjoni militari kontra Gaddafi, minflok ma tfittxet soluzzjoni negozzjabbli. F’kummenti lill-istampa Taljana, huwa qal li “nittama li Gaddafi jċedi, anki jekk personalment naħseb li mhux se jagħmel hekk”.