Pope Francis with down syndrome teen on Popemobile

Bħal kull nhar ta’ Erbgħa l-Papa jkollu l-udjenza fi Pjazza San Pietru imma llum għamel xi ħaġa li l-ebda Papa ieħor qablu ma għamel.

Waqt li kien qed idur fil-Pjazza bil-Popemobile, wara li spiċċat l-udjenza, il-Papa stieden tfajjel bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome u li kien liebes il-flokk tal-Arġentina biex jitla’ miegħu fuq il-Popemobile.

Sorpriż b’din l-istedina, it-tifel aċċetta u tela’ maġenb il-Papa u saħansitra Franġisku offrilu jpoġġi fuq is-siġġu tiegħu.

Kull min kien fi Pjazza San Pietru baqa’ mistagħġeb bl-umiltà tal-Papa.  Wara li rat dan il-ġest, il-folla fil-Pjazza nfexxet f’ċapċipa kbira u anke bdew jgħajtu “Viva l-Papa”.

Minkejja li din kienet l-ewwel darba fil-pubbliku li Papa ċeda postu, jidher li fil-privat, Papa Franġisku diġà għamilha darba oħra. Meta fil-kamra tiegħu f’Santa Marta l-Papa stieden isqof anzjan u li ma kienx jiflaħ, il-Papa talbu biex ipoġġi fuq il-pultruna tiegħu li kienet aktar komda minn dawk tal-mistednin.

Jidher ukoll li Papa Franġisku mhux l-ewwel darba li qassam hu stess ix-xorb lill-mistiedna, mingħajr ma jitlob l-għajnuna tal-ħaddiema tiegħu.