Italy

Fil-ġurnata li t-Taljani fakkru l-unita nazzjonali, il-Papa Benedittu XVI fakkar lill-pajjiż fl-għeruq Insara tiegħu. Huwa rrifletta dwar l-identita kattolika tal-poplu Taljan f’ittra indirizzata lill-President Giorgio Napoletano fl-okkażjoni tal-150 anniversarju tal-unita politika.

Meta kkummenta dwar l-okkażjoni, il-Papa qal li “l-Kristjaneżmu ikkontribwixxa b’mod mill-iktar fundamentali għat-tiswir tal-identita Taljana”. Qal li l-karattru tal-pajjiż jirrifletti fil-ħidma tal-Knisja, fil-ħidma tal-Istituzzjonijiet edukattivi u ta’ karita li permezz tagħhom il-Knisja tagħti xiehda ta’ mudelli ta’ imġieba, relazzjonijiet soċjali, eċċ.

Il-Kap tal-Knisja identifika wkoll numru ta’ artisti Nsara li qal li taw sehem fundamentali fil-formazzjoni tal-identita Taljana, fosthom Dante, Caravaggio u Michelangelo.

Innota wkoll il-kontribut ta’ San Franġisk t’Assisi fit-tiswir tal-ilsien nazzjonali u anki għall-istimolu li fisser bħala formidabbli  ta’ Santa Katerina ta’ Siena fl-elaborazzjoni tal-ħsieb ġuridiku u politiku fl-Italja. Huwa temm jafferma li l-kontribut tal-Knisja u ta’ dawk li jemmnu, fil-formazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-identita nazzjonali, jissokta fiż-żminijiet moderni u kontemporanji.