Il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku kkonferma lill‑Arċisqof Charles Scicluna bħala s‑Segretarju Aġġunt tad‑Dikasteru għad‑Duttrina tal‑Fidi għal ħames snin oħra.
Minn meta l‑Arċisqof Scicluna beda jokkupa din il‑kariga f’Novembru 2018, il‑Papa Franġisku fdah b’missjonijiet pastorali f’diversi pajjiżi fosthom iċ‑Ċilì u, reċentement, il‑Perù. L‑Arċisqof Scicluna huwa wkoll il‑President tal‑Kulleġġ tar‑Rikorsi, li jiddeċiedi każijiet ta’ appell fi ħdan id‑Dikasteru.
Id‑Dikasteru għad‑Duttrina tal‑Fidi huwa responsabbli biex jippromwovi u jħares id‑duttrina tal‑fidi u l‑morali fil‑Knisja, inkluż każijiet ta’ dixxiplina u każijiet ta’ abbuż minn saċerdoti.
Qabel il‑ħatra tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, l‑Arċisqof Charles Scicluna kien serva għal 10 snin bħala l‑Promotur tal‑Ġustizzja fi ħdan l‑istess Dikasteru.