Il-Papa Franġisku ħabbar meta se jkun qed jiġi kanonizzat il-beatu żagħżugħ Carlo Acutis. Waqt l-Udjenza Ġenerali hu qal li l-kanonizazzjoni se ssir waqt il-Ġublew tat-Tama b’enfasi fuq l-Adoloxxenti bejn il-25 u s-27 t’April tal-2025.
Huwa ħabbar ukoll d-data ta’ meta se jsir qaddis Pier Giorgio Frassati. Dan se jiġi kanonizzat bejn it-28 ta’ Lulju u t’3 t’Awwissu 2025 waqt il-Ġublew taż-Żgħażagħ. Dan jibqa’ magħruf għall-karattru ċajtier tiegħu, l-imħabba għall-atletika, l-attiviżmu politiku u fuq kollox għal kemm kien jippromwovi l-virtujiet ma’ sħabu.
F’24 ta’ Diċembru 2024 se jingħata bidu għall-Ġublew tat-Tama – it-tama f’dinja li qed tesperjenza l-impatt tal-gwerrer u l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Carlo Acutis se jsir l-ewwel qaddis millennarju tal-Knisja Kattolika. Hu miet bil-lewkimja fl-2006 fl-età ta’ 15-il sena, kien magħruf għall-użu tal-ħiliet tal-kompjuter tiegħu biex ixerred l-għarfien tal-fidi Kattolika u kien kiseb il-laqam ta’ “l-influencer ta’ Alla.” Carlo Acutis kien ġie ddikjarat Beatu, fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu, nhar l-10 ta’ Ottubru 2020. Ommu kienet ħadet sehem fl-ewwel edizzjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal.
L-istorja tiegħu, li spiss jidher impinġi liebes jeans u żarbun tal-ġiri, hija meqjusa bħala ta’ għajnuna għall-Knisja Kattolika peress li tfittex li tingħaqqad aħjar mal-ġenerazzjoni żagħżugħa f’era diġitali. Minħabba f’hekk, Carlo Acutis sar popolari mal-gruppi taż-żgħażagħ Kattoliċi.
Fit-23 ta’ Mejju d-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kawżi tal-Qaddisin kien ħabbar li Carlo Acutis se jiġi ddikjarat qaddis wara li miraklu ieħor ġie attribwit għall-interċessjoni tiegħu. Il-miraklu kien jinvolvi l-fejqan ta’ tfajla mill-Kosta Rika, li tgħix f’Firenze, fl-Italja u li kienet involuta f’inċident meta waqgħet minn fuq rota li kienet qed issuq. L-inċident seħħ fit-2 ta’ Lulju tal-2022, u t-tfajla ta’ 11-il sena waqgħet minn fuq ir-rota tagħha u ġarrbet ġrieħi gravi f’rasha.
Bħal kull żagħżugħ ieħor kellu wkoll passatempi bħall-futbol u l-għawm, iżda kien dejjem isib ħin għat-talb u għall-adorazzjoni tal-Ewkaristija li hu kien isejħilha “l-awtostrada għall-ġenna”.
Sors: Newsbook Malta