Concistory

Il-Papa Benedittu XVI ħabbar konċistorju li se jiftaħ it-triq għal sitt Kardinali ġodda. Aħbar li ntlaqgħet bil-ferħ minn dawk li kienu preżenti fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan għall-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa. Il-Papa wassal din l-aħbar fi tmiem il-katekeżi tiegħu.

Il-Kardinali l-ġodda ġejjin minn tliet kontinenti differenti – l-Afrika, l-Amerka u l-Asja.

Dan hu l-ħames konċistorju ta’ Papa Benedittu XVI, u bil-Konċistorju tal-24 ta’ Novembru se jkun hemm b’kollox 90 Kardinal.

Illum, il-Kulleġġ tal-Kardinali hu ffurmat minn 211-il Kardinal: 120 huma eliġibbli jivvutaw f’konklavi minħabba li huma taħt l-eta ta’ 80 sena.

F’taqsim strutturat ġeografikament tal-Kardinali-eletturi, l-Ewropa hemm 62 Kardinal, l-Amerika ta’ Fuq hemm 14, l-Amerika t’Isfel 21, l-Afrika 11, l-Asja 11 u 3 f’Oċeanja.

Il-Papa Benedittu XVI qal li “il-Kardinali għandhom id-dmir li jgħinu lis-Suċċessur ta’ Pietru fit-twettiq tal-Ministeru ta’ tixrid u tkabbir tal-fidi, u anki tħaddim tal-prinċipju ta’ għaqda u komunjoni tal-Knisja”.