Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu 16 qiegħed iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu għaż-żjara li se jagħmel fir-Renju Unit. Huwa afferma dan f’udjenza li kellu mal-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales li bħalissa jinsabu Ruma għaż-żjara ta’ kull ħames snin. “Anki f’dan iż-żmien ta’ sekulariżmu, huma ħafna s-sinjali ta’ fidi u devoozzjoni mgħixa mill-kattoliċi fl-Ingilterra u Wales”.

Il-Papa semma partikolarment “l-entużjażmu ġenerat mill-preżenza tar-relikwiji ta’ Santa Tereża, l-interess li qam quddiem il-prospetti għall-beatifikazzjoni tal-Kardinal Henry Newman, u l-ansjeta taż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem fil-pelligrinaġġi u l-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ. Fl-okkażjoni taż-żjara appostolika li  se nagħmel fir-Renju Unit, jien se nkun qed nagħti xiehda ta’ dik il-fidi biex bħala suċċessur ta’ Pietru insaħħaħha”.

Iż-żjara fir-Renju Unit hi mistennija li ssir f’Settembru li ġej.

Il-Papa ħeġġeġ lill-Isqfijiet biex matul ix-xhur ta’ tħejjija għaż-żjara, “kunu ċerti li tinkoraġixxu lill-kattoliċi tal-Ingilterra u Wales fid-devozzjoni tagħhom, u assigurawhom li jiena niftakar fihom fit-talb tiegħi”. Eżorta wkoll lill-Isqfijiet sabiex jassiguraw li “t-tagħlim morali tal-Knisja ikun dejjem preżentat b’mod sħiħ u difiż dejjem b’mod mill-iktar konvinċenti. Ibqgħu insistu fuq id-dritt taċ-ċittadini li jieħdu sehem fid-dibattitu nazzjonali permezz ta’ djalogu b’rispett ma’ l-elementi kollha tas-soċjeta”.