Pope Benedict in Mexico

Waqt il-quddiesa fil-miftuħ li ċċelebra fil-Messiku ċentrali fi tmiem l-ewwel żjara fil-pajjiż Latin Amerikan, il-Papa Benedittu XVI ikkundanna t-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni. Huwa appella lill-Kattoliċi sabiex iwieġbu għall-faqar u l-krimini bil-fidi tagħhom li twassalhom ukoll jirrifjutaw kull xorta ta’ vjolenza u spirtu ta’ vendetta.

Quddiem udjenza ta’ iktar minn nofs miljun persuna quddiem il-monument ta’ Kristu Sultan f’Silao, meqjus wieħed mill-iktar simboli sinifikanti għall-kattoliċi fil-Messiku, il-Papa Benedittu XVI qal li fiż-żmien meta ħafna familji qed jispiċċaw jitbiegħdu jew ikunu sfurzati jemigraw, fejn ħafna tbatija hi kkawżata mill-vjolenza domestika, mill-faqar, mill-korruzzjoni, mit-traffikar tad-droga, mill-kriżi ta’ valuri u saħansitra minn żjieda fil-kriminalita, hu meħtieġ kulħadd idur lejn Marija Santissma għall-konsolazzjoni, għall-qawwa u t-tama.

Ħafna kienu dawk li ikkampjaw mis-Sibt għall-Ħadd fil-park biċentinali ta’ Silao biex setgħu iżommu posthom għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Papa.

Wara l-Brażil, il-Messiku hu l-pajjiż bit-tieni l-ikbar kongregazzjoni kattolika fid-dinja. Kandidati għall-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Lulju li ġej fil-Messiku kienu rrappurtati preżenti għall-attivita tal-Papa.

Intant, il-Kap tal-Knisja Kattolika illum jibda żjara f’Kuba.