Pope with Palestinian President

Il-Papa laqa’ fil-Palazz Appostoliku tal-Vatikan lill-President tal-Awtorita Palestinjana, Mahmoud Abbas. Abbas imbagħad iltaqa’ mal-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, li kien akkumpanjat mill-Arċisqof Domenique Mamberti, Segretarju għar-relazzjonijiet bejn l-istati differenti.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede qal li “id-diskussjonijiet kordjali irreferew għar-Riżoluzzjoni riċenti approvata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda li permezz tagħha l-Palestina kienet rikonoxxuta bħala Stat Osservatur mhux membru tal-Organizzazzjoni. Hu ttamat li din l-inizjattiva tinkoraġixxi l-impenn tal-komunita internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt bejn l-Israeljani u l-Palestinjani, liema soluzzjoni tista’ tinstab biss b’kontinwazzjoni ta’ negozjati bejn il-partijiet, b’sens ta’ rispett reċiproku u intenzjoni tajba”.

L-Uffiċċju Stampa qal li l-Papa u Abbas  “iffukaw imbagħad fuq is-sitwazzjoni fir-reġjun, maħkum minn għadd ta’ kunflitti, bit-tama li jinstab il-kuraġġ għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Finalment, issemma wkoll il-kontribut li l-komunitajiet insara jistgħu jagħtu lejn il-ġid komuni fit-territorji Palestinjani u fi Lvant Nofsani”.