A stamp from a document in the Vatican secret archive

Komunikat maħruġ mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li fil-jiem li għaddew il-Papa ltaqa’ f’udjenza mal-Kummissjoni tal-Kardinali li hu stess ħatar biex tinvestiga l-iżvelar ta’ dokumenti kunfidenzjali fil-Vatikan. Il-kardinali Julian Herranz, Jozef Tomko u Salvatore De Giorgi, kienu akkumpanjati mis-Segretarju tal-Kummissjoni, Patri Luigi Martignani OFM Cap, mill-Maġistrat Piero Antonio Bonnet u mill-Promutur tal-Ġustizzja Nicola Picardi, mit-tribunal tal-iStat tal-Vatikan.

Il-Papa ngħad li kien infurmat bil-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni tal-Kardinali u anki bil-progress tal-proċeduri kriminali li se jkunu qed jibdew dalwaqt. Hu rringrazzjahom u ħa wkoll l-okkażjoni sabiex jistieden lill-Maġistrati tal-Vatikan sabiex jipproċedu mill-iktar fis.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Privat tal-Papa Mons Georg Gaenswein u Gregory Burke, konsulent tal-komunikazzjoni fi ħdan is-Segretarjat tal-iStat, fost oħrajn.