Ortodox Archbishop Albania

Il-Papa Benedittu XVI iltaqa’ mal-Kap tal-Knisja Ortodossa fl-Albanija, u esprima gratitudni għall-impenn ta’ dan biex tikber l-għaqda mal-Knisja Kattolika. Il-Papa laqa’ fil-Vatikan lill-Arċisqof Anastas ta’ Tirana, Durres u l-Albanija kollha.

“Il-messaġġ salviviku ta’ Kristu ħalla riżultat f’dal-pajjiż”, qal il-Papa meta rrefera għall-perjodu kbir ta’ żmien mill-passat sal-lum. Fl-aħħar snin il-Papa afferma li “l-insara fl-Albanija, kemm Ortodossi u Kattoliċi, żammew il-fidi ħajja fil-pajjiż, u dan minkejja r-reġim ateista ostili u ripressiv, fejn sfortunatament ħafna insara ħallsu għall-fidi tagħhom b’ħajjithom stess”.

Issa, bil-waqgħa ta’ dan ir-reġim, qal li qed iseħħ żmien ta’ rikostruzzjoni. Il-Papa Benedittu XVI irrikonoxxa l-ħidma tal-Arċisqof fir-rikostruzzjoni tal-postijiet ta’ qima, fil-formazzjoni tal-kleru u fil-ħidma kateketika li qed issir, proċess ta’ tiġdid ġustament deskritt bħala ‘Ngjallja’ jiġifieri ‘qawmien’”.

Huwa temm jinnota wkoll il-parteċipazzjoni Ortodossa tal-Albanija fid-djalogu teoloġiku internazzjonali bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi.