Pope doing lectio divina with Roman clergy

Meta ltaqa’ u tkellem għal kważi tliet kwarti mas-saċerdoti fi ħdan id-djoċesi tiegħu f’Ruma, il-Papa Benedittu XVI ta indikazzjoni, mhux biss ta’ kif jersaq lejn u juża l-Iskrittura, iżda anki tal-prioritajiet u l-personalita tiegħu. Waqt li indirizza lis-saċerdoti bħala “l-kleru” tiegħu, il-Papa qasam magħhom riflessjoni dwar il-fidi, il-verita, it-tama u l-umilta. Bilqiegħda u mingħajr test formali, Benedittu XVI spjega kelmiet Griegi, għamel referenza għal testi Skritturali u anki xejriet fit-teoloġija moderna. Inqeda wkoll b’versi 1-16 mir-raba’ kapitlu tal-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin biex irrifletta fuq il-problemi li qed tiffaċċja l-Knisja u kif is-saċerdoti għandhom jaffrontawhom.

Sas-sena li għaddiet, il-laqgħa annwali tal-Papa fi żmien ir-Randan mal-kleru ta’ Ruma kienet opportunita sabiex is-saċerdoti jistaqsuh il-mistoqsijiet u huwa jweġibhom. Dan l-istil kien tipiku għall-predeċessur tiegħu l-papa Ġwanni Pawlu II, li kien jinqeda bih biex jisma l-problemi u d-diffikultajiet tas-saċerdoti u s-seminaristi taħt il-kura spiritwali fid-djoċesi tiegħu ta’ Ruma.

Fi żvilupp għal dawn il-laqgħat annwali, mis-sena li għaddiet, il-Papa Ratsinger għażel li l-format ta’ din il-laqgħa ikun ta’ ‘lectio divina’, jiġifieri l-punt tat-tluq ikun qari ta’ test Skritturali, biex imbagħad issir analiżi u riflessjoni vers vers. Kien proprju l-istil tiegħu, adottat speċjalment wara s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Bibbja fl-2008, li l-Papa Benedittu XVI juża l-Bibbja u jħalli li tkun hi li tiggwida d-diskussjoni tiegħu ma’ gruppi ta’ saċerdoti.

Ftit jiem ilu, f’laqgħa ma’ għadd ta’ seminaristi, kif inhi skedata diġa laqgħa simili f’Settembru li ġej fil-Ġermanja, il-Papa, bil-metodu tal-lectio divina, inkluda referenzi għal verżjonijiet Lhud, Griegi u Latini tal-istess silta bibblika li kien janalizza, analiżi u riflessjoni sostnuta minn kummentarji tal-Missirijiet tal-Knisja, partikolarment Santu Wisitn.