F’ċelebrazzjoni liturġika speċjali fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan it-Tnejn filgħaxija, il-Papa Benedittu XVI saħaq fuq id-dritt tal-ħajja għal dawk li jkunu għadhom mhux imwielda u appella wkoll lill-pajjiżi sabiex jikkonfrontaw b’mod effettiv l-isfidi ta’ ġustizzja pubblika u soċjali li għandhom quddiemhom.
Il-Papa ħabbar ukoll l-intenzjoni tiegħu li jagħmel vjaġġ appostoliku lejn Kuba u l-Messiku qabel l-Għid tas-sena d-dieħla. Huwa qal li xtaq li hemm ukoll “jippriedka l-Kelma ta’ Kristu” u jħeġġeġ għal evanġelizzazzjoni b’fidi vera, b’tama ħajja u b’imħabba.
Il-Papa kien qed jiċċelebra l-quddiesa fil-festa tal-Madonna ta’ Guadalupe – qaddisa padruna tal-Amerika Latina. Il-quddiesa preseduta mill-Papa kienet bħal kontinwazzjoni fiċ-ċelebrazzjonijiet fl-Amerika Latina hekk kif il-pajjiżi qed ifakkru l-anniversarji nazzjonali tagħhom tal-indipendenza. Fil-perjodu bejn l-2008 u l-2024, ħafna minnhom qed jew se jfakkru 200 sena ta’ ħelsien.
Bosta kienu l-personalitajiet li ngħaqdu f’ġemgħa waħda biex jiċċelebraw din l-ewkaristija mal-Papa, inkluż Kardinali u Isqfijiet, diplomatiċi akkreditati lis-Santa Sede, reliġjużi u studenti.
Fl-omelija, il-Papa qal li “hu importanti li popli differenti jissalvagwardjaw ir-rikkezza tal-fidi u d-dinamiżmu storiku-kulturali; fl-istess ħin li jkomplu jaġixxu fid-difiża tal-ħajja umana mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali; u jkunu wkoll promuturi tal-paċi”.
Il-Kap tal-Kattoliċi appella lil-Latin Amerikani sabiex “ipproteġu l-familja fin-natura u l-missjoni awtentika tagħha”. Appellalhom “ippromwovu l-programmi effettivi u numerużi sabiex tiffiċlitaw ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda tal-aħwa, iżżidu s-solidarjeta u l-kura ambjentali. Irrinforzaw kull sforz sabiex jintrebaħ il-faqar, l-illitteriżmu, il-korruzzjoni u biex tkun eradikata wkoll l-inġustizzja, il-vjolenza, il-kriminalita u l-insigurta f’postijiet pubbliċi”.