Fil-Vatikan il-Papa Benedittu Sittax iddiskuta t-tema tal-infertilita flimkien ma’ grupp ta’ mitejn xjentist u membri mill-Akkademja Pontifika Favur il-Ħajja li ltaqgħu għat-18-il Assemblea Ġenerali tagħhom.
Il-Papa qal li s-suġġett ta’ l-infertilita joffri opportunita sabiex ikun hemm djalogu bejn il-qasam etiku u r-riċerka biomedika. Il-Papa faħħar ir-riċerka f’dak li huwa djanjosi u terapija għall-infertilita, u stqarr li l-għaqda bejn raġel u mara f’komunita ta’ mħabba hija l-unika post denju għall-ħolqien ta’ ħajja ġdida. Ix-xewqa ta’ koppja infertili li jixtiequ jsiru ġenituri, qal li jeħtieġ li ssib l-għajnuna mil-qasam xjentifiku, b’mod li dejjem titħares id-dinjita tal-persuni. Il-Papa wissa li dawn il-koppji m’għandhomx jaqgħu vittmi tal-profitt, li ħafna drabi jillimita r-riċerka nnifisha. Koppji li huma nfertili, qal il-Papa, xorta waħda jaqdu dimirijiethom ta’ miżżewġin f’għajnejn il-Knisja ġaladarba jinħabbu bejniethom. Għandhom jikkollaboraw ma’ Alla u jafdaw fi Kristu, speċjalment fejn ix-xjenza ma toffrix soluzzjonijiet. Ix-xjenza, min-naħa tagħha, m’għandhiex tkun indifferenti għal dak li huwa tajjeb.
Il-Papa ssokta li id-dinjita umana u nisranija tal-prokreazzjoni, ma tikkonsistix fi ‘prodott’, imma f’rabta mal-att konjugali, l-espressjoni ta’ mħabba bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin, l-għaqda tagħhom li mhix biss bioloġika, imma wkoll spiritwali.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika irrikonoxxa wkoll li x-xjenza ma tistax issib rimedju għal kull kawża ta’ infertilita. Huwa afferma l-attenzjoni tal-Knisja lil koppji bi problema ta’ infertilita, b’appoġġ għar-riċerka medika.
VATICAN CITY, FEB. 27, 2012 (Zenit.org)