Sacrament of Reconciliation

Qabel ma wieħed jitkellem dwar “it-telfa tas-sens tad-dnub” u “l-kriżi tas-Sagrament tal-Qrar” hemm il-ħtieġa li wieħed jitkellem u jistabbilixxi “id-djalogu tas-salvazzjoni” mal-penitenti fuq l-eżempju ta’ San Ġwann Maria Vianney, magħruf bħala l-Kurat t’Ars. Dan iwassal biex iżjed nies jersqu iktar spiss lejn il-konfessjonarji.

Il-Papa Benedittu XVI għamel din l-istedina lill-parteċipanti ta’ kors promoss mill-Penitanzjarju Pontifiċju li ltaqgħu f’udjenza miegħu. Filwaqt li fisser li l-kors providenzjalment qed isir fis-sena ddedikata lis-Saċerdoti, u allura s-sena li qed tfakkar il-150 anniversarju mill-mewt tal-Kurat t’Ars, il-Papa enfasizza l-mod erijku li bih San Ġwann kien jeżerċita l-Ministeru tal-Qrar permezz ta’ dak li sejjaħ “id-djalogu tas-salvazzjoni”, li fi kliemu jrid isib posta fil-Qrar.

Il-Papa kompla li “qed ngħixu f’kuntest kulturali karatterizzat minn mentalita relativista u ħedonista, li għandha t-tendenza telimina lil Alla mill-ħajja tal-bniedem, biex bhekk ittellef il-qafas ċar ta’ valuri, l-abbilta li wieħed jiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u l-iżvilupp tas-sens matur tad-dnub”.

Temm jgħid li “ċirku vizzjuż msawwar minn dak li jfixkel l-esperjenza ta’ Alla u mit-telfa tas-sens tad-dnub” qed jagħmlu iktar urġenti l-ħtieġa ta’ impenn sħiħ minn dawk li joffru s-sagrament tal-Qrar.