Mar-ritorn tiegħu miż-żjara fil-belt Taljana ta’ Carpineto Romano, il-Papa Benedittu XVI indiriazza lil dawk preżenti għat-talba tal-Angelus mill-gallerija tal-Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo, ir-residenza tiegħu tas-Sajf fin-nofsinhar ta’ Ruma.

Qabel it-talba Marjana, il-Papa irrefera għall-messaġġ li kien ippubblikat riċentament fl-okkażjoni tas-26 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li għandu jiġi ċċelebrat f’Madrid fi Spanja f’Awwissu tas-sena d-dieħla. Fisser kif tnebbaħ għall-messaġġ minn frażi mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin. Il-frażi tiffoka fuq il-pedament u t-tisħiħ fil-fidi permezz ta’ Ġesu Kristu. “Dan”, qal, “evidentement li fil-ħajja tal-lum, imur kontra l-kurrent. X’hawn illum li jinkoraġixxi liż-żgħażagħ ikun ‘sħaħ’?” Kompla jindika li llum l-inċertezzi jissuperaw u qal li hu ċar kif il-kultura qed tirkeb fuq il-valuri fundamentali.

Għadda biex jirreferi mbagħad għall-esperjenzi tiegħu maż-żgħażagħ u qal li jirriżultalu li kull ġenerazzjoni, pjuttost kull individwu hu msejjaħ sabiex jiskopri it-tifsir tal-ħajja. “Hu għal din ir-raġuni li ridt noffri messaġġ, li fuq il-passi tal-Bibbja, jinqeda b’siġra u dar. Iż-żgħażagħ huma bħal siġar jikbru, li biex jikbru sodi jrid ikollhom pedamenti b’saħħithom. Bl-istess prinċipju dar”.

Il-Papa temm jgħid li “f’Ġesu Kristu” u “fil-fidi” huma kliem li jiġbru l-qalba tal-messaġġ kollu. Għalaq billi qal li “l-maturita sħiħa u l-istabbilita interna tal-persuna għandhom l-għeruq tagħhom fir-relazzjoni tal-persuna ma’ Alla, relazzjoni li tiddependi mil-laqgħa tal-individwu ma’ Ġesu Kristu”.

VATICAN CITY, 5 SEP 2010 (VIS)