Pope in Malta

Il-Papa Benedittu XVI jista’ jiltaqa’ ma’ grupp ta’ vittmi ta’ abbużi sesswali f’Malta matul iż-żjara appostolika tiegħu  bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Dan iddikjarah id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, meta f’konferenza tal-aħbarijiet ta d-dettalji ta’ din iż-żjara. Żewġ laqgħat simili saru fl-Istati Unit ital-Amerika f’April 2008 u fl-Awstralja f’Lulju tal-istess sena. Patri Lombardi qal li ma setax jagħmel stqarrijiet pero fl-istess ħin ikkjarifika li ma jista’ jeskludi l-ebda possibilta. Qal li “kieku kellha ssir tali laqgħa, żgur li ssir fi klima ta’ riflessjoni u mhux minħabba pressjoni tal-media”.

Kompla jgħid li “il-programm taż-żjara tal-Papa f’Malta huwa intens. F’okkażjonijiet oħra f’Washington u f’Sydney, jiena infurmajt lill-mezzi tal-istampa wara li kienet saret il-laqgħa. Jekk ma ssirx, ikun ifisser li l-Papa sab mezzi oħra kif jesprimi ruħu”.

Il-Ġiżwita Lombardi qal li l-Vatikan mhux inkwetat dwar protesti varji li saru riċentament minn vittmi ta’ abbużi sesswali permezz tal-media. Żied li dawn l-affarijiet dejjem jagħmlu ħoss fl-aħbarijiet. Fisser li wieħed irid jarahom f’kuntest u fi proporzjon. Sadattant iddikjara li l-vjaġġ lejn Malta jsir b’serenita u b’rikonoxximent li dan hu pajjiż bi tradizzjoni qawwija ta’ ħbiberija u rispett lejn il-Papa.

Il-vjaġġ lejn Malta se jkun l-14-il vjaġġ internazzjonali tal-Papa, u l-11-il wieħed lejn l-Ewropa. Dan hu vjaġġ intrinsikament marbut mal-1950 anniversarju min-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.