Stop-AIDS-Hand

Stop-AIDS-Hand

Il-Papa afferma dan qabel l-aħħar talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru, waqt li fakkar li nhar il-Ħamis se jkun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-AIDS.

“Ħsibijieti u t-talb tiegħi jdur fuq dawk kollha milquta minn dal-mard, partikolarment it-tfal, l-ifqar u dawk rifjutati mis-soċjeta”, qal.

“Il-Knisja ma tiqafx tikkumbatti l-AIDS, kemm permezz tal-istituzzjonijiet tagħha u n-nies li għandha ffukati f’dan il-qasam”, żied jgħid Benedittu XVI.

“Neżorta lil kulħadd sabiex jagħti s-sehem tiegħu bit-talb u l-kura, biex dawk milquta mill-virus tal-HIV iħossu l-preżenza ta’ Ġesu li tagħtihom appoġġ u tama.

“Finalment, nittama, li bi sforzi akbar u bejn kulħadd, dan il-mard jitwaqqaf u jinqata’ totalment”.

Skont ir-rapport UNAIDS tal-2009, maż-2 miljun persuna mietu fl-2008 bl-AIDS u l-HIV. 280,000 minn dawn kienu tfal. Aktar minn hekk mat-33.4 miljun persuna huma morda bl-AIDS u l-HIV. 2.1 miljun minnhom huma tfal. Jirriżulta wkoll li fl-2008 kienu rreġistrati 2.7 miljun każ ġdid ta’ mard tal-AIDS u l-HIV. Mill-1981 ‘l hawn mietu mal-25 miljun persuna bl-AIDS. L-Afrika għandha mal-14-il miljun tifel u tifla orfni minħabba dax-xorta ta’ mard.