Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI żar Knisja Luterana f’Ruma bil-għan li jippromwovi l-għaqda billi jenfasizza l-modi li permezz tagħhom il-kattoliċi u nsara oħra jistgħu jagħtu xhieda ta’ Kristu.

F’servizz bil-ilsien Ġermaniż, li bih kemm il-Papa kif ukoll il-pastor Ġermaniż indirizzaw l-omelija tagħhom, Benedittu XVI afferma “nisimgħu ħafna lmenti dwar il-fatt li mhemmx żviluppi fil-qasam ekumeniku, pero jrid jingħad b’sens ta’ apprezzament u gratitudni, li kien hemm diġa elementi ta’ għaqda”.

Fl-indirizz tiegħu li ma kienx miktub, il-Papa stieden lill-udjenza biex tapprezza l-fatt li fidili miż-żewġ denominazzjonijiet kienu qed jitolbu flimkien, jisimgħu lil xulxin, iħarsu lejn l-istess Ġesu u jagħti xiehda tiegħu. Il-kliem tal-Papa ntlaqa’ b’applaws, waqt li l-kor magħmul minn seminaristi Ġermaniżi Kattoliċi u Luterani kantaw Jubilate Deo.

Doris Esch, il-President tal-Komunita Luterana f’Ruma, li tiġbor fiha mat-350 membru, fakkret fid-diskors tagħha ndirizzat bit-Taljan u bil-Ġermaniż, li fl-1983 il-Papa Ġwanni Pawlu II żar il-Knisja fl-okkażjoni tal-ħames ċentinarju mit-twelid ta’ Luteru. Esch osservat li din il-laqgħa ekumenika kienet qed timmarka l-10 anniversarju, iċċelebrat is-sena li għaddiet, mill-iffirmar tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġustifikazzjoni. Esch kellha kliem ta’ akkoljenza lejn il-Papa.

Il-Papa Benedittu XVI min-naħa tiegħu kien diġa familjari mal-knisja għax fl-1998, meta kien għadu Prefett tal-Kongregazzjoni ghad-Duttrina tal-Fidi, huwa kien iltaqa’ mal-komunita Luterana waqt il-festival annwali tagħhom.

Il-pastor żagħżugħ tal-komunita Luterana, Jens-Martin Kruse, qal li din “kienet tabilħaqq ġurnata ta’ ferħ”.