Meta kien qed iħares lejn is-sena li għaddiet u l-karatteristiċi ewlenin tagħha, il-Papa Benedittu XVI nnota li l-2009 kienet ikkaratterizzata l-iktar mit-tema tas-Sinodu tal-Afrika. Huwa afferma dan meta kien qed jiskambja l-awguri tradizzjonali ta’ daż-żmien mal-Isqfijiet u l-membri tal-Kurja ta’ Ruma. Semma l-vjaġġ appostoliku tiegħu lejn il-Cameroon u Angola li sar bejn is-17 u t-23 ta’ Marzu li għadda, kif ukoll is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Afrika li sar bejn l-4 u l-25 t’Ottubru li għadda f’Ruma. Iż-żjara lejn l-Afrika, qal il-Papa, kienet waħda li messietu, hekk kif esperjenza l-merħba sabiħa li ngħata, b’ferħ u affett kbir. Huwa nnota li kien partikolarment impressjonat biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li ta xiehda tagħhom f’dawk il-pajjiżi. “Iċ-ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi kienu festi awtentiċi tal-fidi”, afferma Benedittu XVI.
Huwa kompla jiddeskrivi żewġ elementi importanti u partikolari li identifikahom bħala l-ferħ espress minn kulħadd flimkien orjentat lejn il-preżenza t’Alla ħaj u s-sens ta’ qdusija fil-misteru ta’ l-istess Alla ħaj, espress saħansitra fil-ġesti.