Il-Union Internazzjonali Kattolika tal-Press qed tissottolinea r-rwol tal-media fil-binja ta’ ġustizzja ekonomika, u qed tappella lill-ġurnalisti sabiex iservu lill-umanita u l-ħolqien, iktar milli l-aġendi individwali tagħhom. Il-Union affermat dan f’dokument intitolat “Media for Social and Economic Justice” ippubblikat fl-aħħar jiem biex jenfasizza l-importanza u r-rwol tal-ġurnaliżmu fit-tiftix għal soluzzjonijiet fit-tul tal-problemi madwar id-dinja.

Id-dokument jafferma li “l-ġustizzja soċjali u ekonomika tikkostitwixxi dinja paċifika u prospera”. Jissottolinea wkoll “ir-responsabbilta speċjali” tal-ġurnalisti u l-esperti tal-media “biex ikun asigurat li tipprevali l-ġustizzja ekonomika u soċjali madwar id-dinja bil-għan li jiġu eliminate l-konflitti, il-gwerer u diżastri oħra umani”.

Fid-dawl ta’ dan l-Union affermat li d-dokument ippubblikat, li kien addottat fl-Assemblea Ġenerali tal-31 t’Ottubru li għadda, għandu l-għan li jispira l-ġurnalisti u l-esperti fil-qasam tal-media sabiex jaħdmu qatigħ sabiex jistabbilixxu livelli eżemplari ta’ ġustizzja u paċi madwar id-dinja billi jesponu l-kwistjoni f’fora internazzjonali u fuq livelli ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Id-dokument tħejja minn kittieba, ġurnalisti, professuri u speċjalisti mill-Ewropa, l-Asja, l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, il-Karibew u Oceania.

Id-dokument żied jenfasizza “l-istorja nobbli tal-ġurnaliżmu” u jinnota li fejn fil-passat kien hemm mumenti ta’ kriżi, il-ġurnalisti ma beżgħux jitkellmu biex jindikaw it-triq ‘il quddiem lill-popli u l-mexxejja tagħhom. “Illum id-dinja hi ffaċċjata bi kwistjonijiet diversi bħal konsumeriżmu, qerda ambjentali, globalizzazzjoni, sottovalutar tax-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema f’postijiet differenti madwar id-dinja (kif rifless fil-pagi) u d-dipendenza permanent ital-fqar fuq l-għonja”. Il-Union esprimiet it-tama lid an id-dokument jgħin lill-ġurnalisti u l-esperti fil-qasam tal-media “fl-att nobbli li jiskopru dawn il-kwistjonijiet u mhux biss hekk, anzi jagħrfu jpoġġuhom bi priorita fuq l-aġenda tad-dinja”.