Għeżież ħuti, donnu t-temp ma tantx hu tajjeb, imma xorta nagħtikom l-għodwa t-tajba!
Biex noħorġu aħjar minn kriżi bħal din ta’ żmienna, li hi kriżi tas-saħħa u fl-istess ħin kriżi soċjali, politika u ekonomika, kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ jagħmel il-parti tiegħu ta’ responsabbiltà, jiġifieri jaqsam fir-responsabbiltajiet. Jeħtieġ inwieġbu mhux biss bħala individwi, imma anki fil-grupp ta’ appartenenza tagħna, fir-rwol li għandna fis-soċjetà, bil-prinċipji tagħna u, jekk nemmnu, bil-fidi f’Alla. Imma spiss ħafna persuni ma jistgħux jipparteċipaw fil-bini mill-ġdid tal-ġid komuni għax huma mwarrbin, huma esklużi jew injorati; ċerti gruppi soċjali ma jirnexxilhomx jikkontribwixxu għalih għax huma fgati ekonomikament jew politikament. F’xi soċjetajiet, tant persuni mhumiex ħielsa li jesprimu l-fidi, il-valuri u l-ideat tagħhom; jekk jesprimuhom, jispiċċaw il-ħabs. Bnadi oħra, speċjalment fid-dinja tal-Punent, ħafna joħonqu fihom stess il-konvinzjonijiet etiċi u reliġjużi tagħhom. Imma hekk ma nistgħux noħorġu mill-kriżi, jew xorta ma nistgħux noħorġu aħjar. Noħorġu agħar.
Biex ilkoll kemm aħna jista’ jkollna sehem fil-kura u r-riġenerazzjoni tal-popli tagħna, tajjeb li kulħadd ikollu f’idejh ir-riżorsi tajba biex iwettaq dan (ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 186). Wara d-dipressjoni kbira ekonomika tal-1929, il-Papa Piju XI spjega kemm kien importanti għal rikostruzzjoni vera l-prinċipju tas-sussidjarjetà (ara Enċiklika Quadragesimo anno, 79-80). Dan il-prinċipju għandu dinamiżmu doppju: minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq. Forsi m’aħniex nifhmu xi jfisser dan, imma hu prinċipju soċjali li jagħmilna iktar magħqudin.
Minn banda, u fuq kollox fi żminijiet ta’ bidla, meta l-individwi, il-familji, l-għaqdiet iż-żgħar u l-komunitajiet lokali ma jkunux kapaċi jilħqu l-għanijiet primarji, allura tajjeb li jindaħlu l-livelli iżjed ogħla tal-korp soċjali, bħall-Istat, biex ifornu r-riżorsi meħtieġa biex jimxu ’l quddiem. Ngħidu aħna, minħabba l-lockdown tal-Coronavirus, ħafna persuni, familji u attivitajiet ekonomiċi sabu ruħhom u għadhom qed isibu ruħhom f’diffikultajiet serji, u għalhekk l-istituzzjonijiet pubbliċi qed ifittxu kif jgħinu b’interventi soċjali, ekonomiċi, sanitarji xierqa: din hi l-funzjoni tagħhom, hekk għandhom jagħmlu.
Imma min-naħa l-oħra, dawk li huma fl-ogħla grad tas-soċjetà għandhom jirrispettaw u jippromovu l-livelli intermedji u minuri. Fil-fatt, il-kontribut tal-individwi, tal-familji, tal-għaqdiet, tan-negozji, tal-korpi kollha intermedji u anki tal-Knejjes hu deċiżiv. Dawn, bir-riżorżi kulturali, reliġjużi, ekonomiċi jew ta’ parteċipazzjoni ċivika li għandhom, jerġgħu jagħtu l-ħajja u jsaħħu l-korp soċjali (ara CDSC, 185). Jiġifieri, hemm kollaborazzjoni minn fuq għal isfel, mill-Istat ċentrali għall-poplu; u minn isfel għal fuq: mill-ħafna suriet tal-poplu għal fuq. U dan hu sewwasew it-tħaddim tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Kulħadd għandu jkollu l-possibbiltà li jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu fil-proċessi ta’ fejqan tas-soċjetà li minnha jagħmel parti. Meta jibda jseħħ xi proġett li jolqot direttament jew indirettament gruppi soċjali, dawn ma jistgħux jitħallew barra mill-parteċipazzjoni fih. Ngħidu aħna: “Int x’qed tagħmel?”. “Jiena mmur naħdem għall-foqra”. “Ħaġa sabiħa, u x’tagħmel?”. “Jiena ngħallem lill-foqra, ngħid lill-foqra x’għandhom jagħmlu”. “Le, hekk mhux sew, l-ewwel pass għandu jkun li tħalli l-foqra jgħidulek huma kif qed jgħixu, x’għandhom bżonn: hemm bżonn inħallu lil kulħadd jitkellem! U hekk jaħdem il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ma nistgħux inħallu lil dawn in-nies barra mill-parteċipazzjoni; l-għerf tagħhom, l-għerf tal-gruppi l-iżjed ċkejkna ma jistax jitwarrab għall-ġenb (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia, 32; Enċiklika Laudato si’, 63). B’xorti ħażina, din l-inġustizzja tidher spiss hemm fejn hemm interessi kbar ekonomiċi jew ġeopolitiċi, bħal ngħidu aħna ċerta ħidma ta’ estrazzjoni f’xi żoni tal-pjaneta (ara QA, 9.14). L-ilħna tal-popli indiġeni, il-kulturi u l-viżjonijiet tagħhom tad-dinja ma jiġux meqjusa. Illum, dan in-nuqqas ta’ rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà xtered daqs il-virus innifsu. Ħarsu lejn il-miżuri kbar ta’ għajnuniet finanzjarji attwati mill-Istati. Iktar jinstemgħu il-kumpaniji kbar finanzjarji milli n-nies jew dawk li qed iċaqilqu l-ekonomija reali. Jinstemgħu iżjed il-kumpaniji multinazzjonali milli l-movimenti soċjali. Jekk dan irridu ngħiduh bil-lingwaġġ tan-nies komuni: jinstemgħu iżjed is-setgħanin milli d-dgħajfin, u din mhijiex il-mixja, mhijiex il-mixja umana, mhijiex il-mixja li għallimna Ġesù, mhux hekk nattwawh il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hekk ma nkunux qed inħallu l-persuni jkunu “protagonisti tal-istess fidwa tagħhom”.[1] Fl-inkonxju kollettiv ta’ xi politiċi jew ta’ xi trejdunjonisti hemm dan il-motto: kollox għall-poplu, xejn mal-poplu. Minn fuq għal isfel imma mingħajr ma jisimgħu l-għerf tal-poplu, mingħajr ma jattwaw dan l-għerf ta’ kif jissolvew il-problemi, f’dan il-każ biex noħorġu mill-kriżi. Jew ejjew naħsbu wkoll fil-mod kif qed nikkuraw il-virus: iktar jinstemgħu l-kumpaniji farmaċewtiċi l-kbar milli l-ħaddiema tas-saħħa, impenjati fuq quddiem nett fl-isptarijiet jew fil-kampijiet tar-rifuġjati. Din mhix triq tajba. Kulħadd għandu jiġi mismugħ, dawk li qegħdin fl-għoli u dawk li qegħdin fil-baxx, kollha.
Biex noħorġu aħjar minn kriżi, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi attwat, fir-rispett tal-awtonomija u l-ħila ta’ inizjattiva ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li qegħdin fl-aħħar post. Il-partijiet kollha ta’ ġisem huma meħtieġa u, kif jgħid San Pawl, dawk il-partijiet li jistgħu jidhru iżjed dgħajfa u inqas importanti, fir-realtà huma l-iktar meħtiġin (ara 1 Kor 12:22). Fid-dawl ta’ din ix-xbieha, nistgħu ngħidu li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jagħti lil kull wieħed u waħda li jassumi r-rwol tiegħu għall-ħarsien u d-destin tas-soċjetà. Li nattwawh, li nattwaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jagħti tama, jagħti tama f’futur iżjed san u ġust; u dan il-futur nibnuh flimkien, billi naspiraw għall-ogħla ħwejjeġ, inwessgħu l-ixfqa tagħna.[2] Jew flimkien jew ma nagħmlu xejn. Jew naħdmu flimkien biex noħorġu mill-kriżi, fuq kull livell tas-soċjetà, jew ma noħorġu qatt minnha. Noħorġu mill-kriżi ma jfissirx nagħtu pinzellata verniċ lis-sitwazzjonijiet attwali biex jidhru xi ftit iżjed ġusti. Noħorġu mill-kriżi jfisser ninbidlu, u l-bidla vera jagħmilha kulħadd, il-persuni kollha li jsawru l-poplu. Il-professjonijiet kollha, kollha. U lkoll flimkien, ilkoll fil-komunità. Jekk dan ma nagħmluhx flimkien ir-riżultat ikun negattiv.
F’katekeżijiet oħra rajna kif is-solidarjetà hi t-triq biex noħorġu mill-kriżi: tgħaqqadna u tippermettilna nsibu proposti solidi għal dinja iżjed sana. Imma din il-mixja ta’ solidarjetà għandha bżonn tas-sussidjarjetà. Hemm min forsi jgħidli: “Imma Dun, illum qed titkellem tqil!”. Imma għalhekk qed nipprova nfisser dan. Solidali, għax nimxu fit-triq tas-sussidjarjetà. Fil-fatt, m’hemmx vera solidarjetà mingħajr parteċipazzjoni soċjali, mingħajr il-kontribut tal-korpi intermedji: tal-familji, tal-għaqdiet, tal-koperattivi, tan-negozji ż-żgħar, tal-espressjonijiet tas-soċjetà ċivili. Kulħadd irid jikkontribwixxi, kulħadd. Din il-parteċipazzjoni tgħin biex nipprevenu u nikkoreġu ċerti aspetti negattivi tal-globalizzazzjoni u tal-azzjoni tal-Istati, kif iseħħ ukoll fil-kura tan-nies milquta mill-pandemija. Dawn il-kontributi “minn isfel” għandhom jiġu inċentivati. Imma kemm hi ħaġa sabiħa tara l-ħidma tal-voluntier fil-kriżi. Il-voluntiera li ġejjin mill-partijiet soċjali kollha, voluntiera ġejjin mill-familji l-iżjed benestanti u oħrajn ġejjin mill-familji l-iżjed foqra. Imma kulħadd, kulħadd flimkien ħa noħorġu minnha. Din hi s-solidarjetà u dan hu l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
Matul il-lockdown twieled b’mod spontanju l-ġest tal-applaws għat-tobba u l-infermiera bħala sinjal ta’ inkuraġġiment u ta’ tama. Ħafna rriskjaw ħajjithom u ħafna taw ħajjithom. Nestendu dan l-applaws għal kull membru tal-korp soċjali, għal kulħadd, għal kull wieħed u waħda, għall-kontribut prezzjuż tagħhom, hu kemm hu żgħir. “Imma x’jista’ jagħmel dak ta’ hemm?”. “Isimgħu, agħtih spazju biex jaħdem, ikkonsultah”. Inċapċpu lill-“iskartati”, lil dawk li din il-kultura tikkwalifikahom bħala “skartati”, din il-kultura tal-iskart, jiġifieri nċapċpu lill-anzjani, it-tfal, il-persuni b’diżabbiltà, inċapċpu lill-ħaddiema, dawk kollha li jaqdu. Dawk kollha li jikkollaboraw biex joħorġu mill-kriżi. Imma ejjew ma niqfux biss mal-applaws! It-tama hi qalbiena, u allura nagħmlu l-qalb lil xulxin biex noħolmu kbir. Ħuti, ejjew nitgħallmu noħolmu kbir! Ma nibżgħux noħolmu kbir, infittxu l-ideali ta’ ġustizzja u ta’ mħabba soċjali li jitwieldu mit-tama. Ma nippruvawx nibnu mill-ġdid il-passat, il-passat hu passat, hemm jistennewna ħwejjeġ ġodda. Il-Mulej wegħedna: “Jiena nġedded kollox”. Nagħmlu l-qalb lil xulxin biex noħolmu kbir u nfittxu dawn l-ideali, ma nippruvawx nerġgħu nibnu l-passat, fuq kollox dak li kien inġust u diġà marid, li diġà semmejt bħala inġustizzji. Nibnu futur fejn id-dimensjoni lokali u dik globali jagħnu lil xulxin, – kulħadd jista’ jagħti minn tiegħu, kulħadd għandu jagħti minn tiegħu, il-kultura tiegħu, il-filosofija tiegħu, il-mod ta’ kif jaħsibha –, fejn il-ġmiel u l-għana tal-gruppi ż-żgħar, anki tal-gruppi skartati, jistgħu jwarrdu għax hemm ukoll hemm il-ġmiel, u fejn min għandu iżjed iħabrek biex jaqdi u jagħti iżjed lil min għandu inqas.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Messaġġ għall-160 Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat 2020 (13 ta’ Mejju 2020).
[2] Ara Diskors liż-żgħażagħ taċ-Ċentru Kulturali Padre Félix Varela, il-Havana – Kuba, 20 ta’ Settembru 2015.