Pope Benedict XVI

“Il-vjolenza m’għandhiex postha fil-promozzjoni tal-paċi u l-fidi”. Il-Papa Benedittu XVI qal dan f’Assisi flimkien ma’ rappreżentanti minn reliġjonijiet oħra u ma’ persuni li ma jemmnux għall-pellegrinaġġ li fih se jsiru djalogi u talb għall-paci u l-ġustizzja.

Dan il-pellegrinaġġ qiegħed isir fl-okkażjoni tal-25 anniversajru minn meta l-Beatu Ġwanni Pawli II għamel l-istess laqgħa.

Fid-diskors tiegħu l-Papa tkellem dwar il-vjolenza li qed tiddomina d-dinja. Huwa saħaq li l-vjolenza mhix fin-natura tar-reliġjon imma l-qerda tagħha. Huwa semma fost l-oħrajn it-terroriżmu.

Il-Papa qal li l-Kristjani jemmnu f’Alla missier ta’ kollox u għalhekk huma parti minn familja kbira. Is-salib ta’ Kristu huwa simbolu tal-imħabba t’Alla għalina u għalhekk għandna naħdmu biex ir-reliġjon tkun verament qed isservi bħala strument t’Alla għall-paċi fid-dinja.

Barra dan, huwa tkellem dwar il-ħtieġa li ningħaqdu bħala ħaġa waħda allavolja nemmnu f’affarijiet diversi għax aħna kollha pellegrini tal-verità, pellegrini tal-paċi.