Il-Papa Benedittu XVI fada l-ġid tas-Sinodu tal-Afrika lill-fidili kollha tal-kontinent, waqt li appellalhom ikunu “melħ u dawl” għal art twelidhom. Qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, Benedittu XVI indirizza wkoll il-ħtieġa tar-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-paċi fl-Afrika.
Fi tmiem il-quddiesa li wasslet fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet Afrikani fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Benedettu Sittax tkellem dwar l-iżvilupp globali. Fl-omelija tiegħu, il-Papa sostna li l-iżvilupp globali għandu jinkludi lill-popli kollha tad-dinja, u mhux biss lil dawk il-poplu li għandhom il-mezzi biex ikomplu jiżviluppaw.
Fost l-oħrajn, il-Papa ikkwota mill-enċiklika tiegħu ‘Caritas in veritate’, fejn stqarr li l-globalizazzjoni hija realtà umana u temm jgħid li din għandha tinbidel skont il-kuntest kulturali tal-pajjiżi kollha.
L-Assemblea ta’ tliet ġimgħat, li laqqgħet 33 kardinal, 79 Arċisqof u 156 Isqof, iffukat fuq it-tema “Il-Knisja fl-Afrika għas-servizz tar-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-paċi”.
“Il-missirijiet sinodali, li ġew minn kull pajjiż fl-Afrika, ippreżentaw realta rikkatal-Knejjes lokali tagħhom. Qsamna flimkien il-ferħ għad-dinamiżmu tal-komunitajiet insara li jkomplu jikbru fil-kwantita u l-kwalita”, qal il-Papa.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika ma naqasx milli jieħu wkoll l-opportunita li jisħaq fuq l-importanza tal-familja bħala ċellola ewlenija tas-soċjeta u li llum hi mhedda minn bosta fatturi esterni. Meta rrefera għall-ħtieġa tar-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-paċi, il-Papa temm jgħid li bl-Ewkaristija u l-Kelma t’Alla, il-kontinent Afrikan żgur li jagħmel pass ‘il quddiem.