Il-Papa Benedittu XVI qed jappella għall-waqfien tal-vjolenza f’Darfur u Kampala, u qed ifakkar fl-istess waqt li n-nuqqas tal-kunflitt ma jikkostitwixxix paċi vera. Il-Papa sejjaħ għall-ġustizzja fis-Sudan u l-Uganda meta ta l-messaġġi individwali tiegħu bil-kitba lill-ambaxxaturi l-ġodda minn dawk iż-żewġ pajjiżi għas-Santa Sede, flimkien ma’ sitta oħra. Tlieta mill-ambaxxaturi l-ġodda huma mill-Afrika, flimkien mar-rappreżentanti tas-Sudan u l-Uganda. Jippreżenta wkoll l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu kien l-ambaxxatur Kenjan.
Fl-indirizz lit-tliet Afrikani, il-Papa rrifletta fuq il-vera paċi li qal li “tiġi mill-ġustizzja, mir-rikonċiljazzjoni u s-solidarjeta”. Fl-indirizz tiegħu lil Francis Butagira tal-Uganda, il-Papa ilmenta kif “il-kampanja ta’ vjolenza fit-tramuntana tal-pajjiż ħakmet żoni sħaħ. It-traġedja għall-popolazzjonijiet lokali hi ċara għal kulħadd. Ħafna kellhom trobbija mtappna li wasslithom biex saħansitra jikkommettu krimini kundannabbli; kien hemm qerda vasta ta’ proprjeta; għadd kbir ta’ romol u orfni spiċċaw jgħixu f’faqar kbir; u għadd kbir ta’ persuni tilfu djarhom u għadhom f’tiftixa kontinwa għall-kenn”.
Il-Papa nnota li s-sitwazzjoni qiegħda titjiebu esprima t-tama tiegħu li “n-nuqqas ta’ sigurta jinbidel f’paċi stabbli u prosperita”. Il-Papa temm ifakkar ukoll li r-rikonċiljazzjoni u l-paċi kienu it-temi speċifiċi tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Afrika, li sar f’Ottubru li għadda fil-Vatikan.