Il-Papa Franġisku esprima appoġġ għal proġett ġdid li jipprovdi riżorsi ġodda għall-ħidma tas-saċerdoti mal-Insara LGBT fil-parroċċi. Il-Papa bagħat nota lis-saċerdot Ġiżwita James Martin, li nieda s-sit Outreach aktar kmieni dan ix-xahar.
Patri Martin kiteb ittra lill-Papa Franġisku nhar il-Ħamis li għadda, fejn staqsieh tliet mistoqsijiet li jkollu b’mod regolari minn Insara LGBT u l-familji tagħhom. Ir-risposta mill-Papa waslet fi tliet ijiem: nota miktuba bl-idejn, bl-Ispanjol.
Il-mistoqsijiet tal-Insara LGBT li waslu għand il-Papa
L-ewwel mistoqsija li Patri Martin staqsa kienet x’jaħseb li hi l-aktar ħaġa importanti li l-persuni LGBT għandhom ikunu jafu dwar Alla.
“Alla huwa Missier u ma jiċħad lil ħadd minn uliedu,” wieġbu l-Papa Franġisku. “U ‘l-istil’ ta’ Alla hu ‘l-viċinanza, il-ħniena u t-tenerezza’. F’dan il-vjaġġ inti ssib lil Alla.”
Bi tweġiba għal mistoqsija oħra, il-Papa Franġisku qal li hu jistieden lill-persuni LGBT biex jaqraw l-Atti tal-Appostli u jiskopru l-immaġini tal-knisja ħajja.
Fl-aħħar nett, il-Papa ħeġġeġ lill-persuni LGBT biex iħarsu lejn esperjenzi negattivi fil-Knisja mhux bħala ċaħda mill-istituzzjoni iżda bħala laqgħat sfortunati ma’ individwi.
“Inħeġġiġhom jagħrfu li din mhix ‘ċaħda tal-knisja’, iżda minflok ‘tan-nies tal-knisja’,” qal il-Papa b’reazzjoni għall-mistoqsija dwar liema messaġġ jixtieq jagħti lill-Insara LGBT li esperjenzaw iċ-ċaħda mill-Knisja. “Il-Knisja hija omm u ssejjaħ flimkien lill-uliedha kollha. Ħu l-eżempju tal-parabbola ta’ dawk mistiedna għall-festin: “dawk li huma fis-sewwa, il-midinbin, l-għonja u l-fqar, eċċ (ara Mt 22:1-15; Lq 14:15-24). Knisja ‘selettiva’, waħda ta’ ‘demm pur’, mhix il-Knisja Mqaddsa Omm, imma setta.”
Il-korrispondenza tal-Papa ġiet ippublikata lbieraħ fuq il-website Outreach: riżorsa Kattolika għall-LGBTQ imnedija minn Patri Martin. Skont is-sit, l-għan hu li “jgħin lill-Insara LGBTQ ikunu jafu li Alla jħobbhom, li huma fil-qalba tal-knisja u li għandhom ħafna x’joffru lill-poplu ta’ Alla.”
Patri James Martin, li hu Amerikan, jaħdem biex il-Knisja tilqa’ dejjem iktar lill-Insara LGBT u l-familji tagħhom.
Sors: Newsbook Malta