Il-korruzzjoni, it-tensjonijiet etniċi, l-indifferenza u l-inġustizzja għandhom ikunu indirizzati bil-għan li tinkiseb il-paċi tant mixtieqa fis-Sudan. Il-Papa Benedittu XVI wassal dan il-messaġġ lill-Isqfijiet tal-pajjiż.
“Trattati u bosta ftehim, passi indispensabbli fil-binja tal-proċess ta’ paċi, iħallu l-frott biss jekk ikunu ispirati u akkompanjati minn eżerċizzju ta’ tmexxija matura u moralment motivata”, qal il-Papa meta ltaqa’ mal-Isqfijiet tas-Sudan fi tmiem iż-żjara tagħhom fil-Vatikan.
Il-Papa faħħar il-ħidma tal-Isqfijiet Sudaniżi fil-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja ekonomika u d-drittijiet umani. Dan minbarra li rringrazjahom ukoll għall-isforzi tagħhom bla waqfien fl-għajnuna li jagħtu lill-foqra biex ikollhom ħajja dinjituża.
Il-gwerra fis-Sudan li kienet mifruxa fuq żewġ sekli ntemmet bi trattat ta’ paċi li kien iffirmat f’Jannar 2005 bejn il-Gvern dominat mill-Musulmani u mill-Moviment tal-Liberta tal-poplu Sudaniż. Benedittu XVI temm jgħid li “l-effetti tal-vjolenza jistgħu jieħdu s-snin biex jitfejqu, pero hi meħtieġa bidla fl-attitudni u dispożizzjoni tal-qalb biex finalment wieħed jasal għal paċi dejjiema”.