Cardinal Tarcisio Bertone

“Il-kriżi eżistenti mhi waħda ta’ natura ekonomika biss, imma ġiet ikkawżata wkoll minn defiċit ta’ valuri morali u minn imġibiet prattiċi li jmorru kontra l-liġi t’Alla u allura kontra l-istess bniedem; imġibiet li jimminaw il-ġustizzja u li dejjem ikollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp materjali u spiritwali tas-soċjeta.”

Dan qalu f’Ruma l-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, f’riflessjoni dwar l-enċiklika ‘Caritas in Veritate’ fil-preżenza tal-Bord Eżekuttiv ta’ Confindustria, li hija l-organizzazzjoni ewlenija li tirrappreżenta l-kumpaniji Taljani fil-qasam tal-manifattura.

Il-Kardinal qal li l-enċiklika “Caritas in Veritate” tapprezza l-isforzi tan-negozju maħsuba biex joħolqu l-iżvilupp u l-progress, fejn l-industrija tidher f’paralelliżmu mas-sejħa tal-bniedem. L-industrija pero mhix il-punt tal-wasla imma l-mezz, u l-attivita industrijali tibqa’ l-mezz.

Il-kardinal tkellem ukoll dwar “il-valuri” li jiggwidaw lill-intraprendituri “fil-missjoni” tagħhom, li qalilhom li hi strument għall-aqwa ġid tal-bniedem. F’dan id-dawl enfasizza l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata għall-ħtiġijiet spiritwali.