Fl-ewwel żjara pastorali tiegħu fi djoċesi f’Ruma, il-Papa Franġisku mar fil-Parroċċa ddedikata lil Santa Eliżabetta u Żakkarija, fejn ingħata merħba meta wasal b’ħelikopter biex jiċċelebra l-ewkaristija u jamministra l-ewwel tqarbina lit-tfal mressqa quddiemu, li kienu jammontaw għal sittax. Għall-ewwel darba fi żjara tali f’parroċċa, il-Papa deher iqarar lil mill-inqas sebgħa min-nies.
Meta kien qed jindirizza lill-ġemgħa quddiemu, il-Papa enfasizza l-importanza tat-talb lill-Madonna. Fi kliemu, hi dejjem ħerqana biex tgħinna, tgħallimna biex nifhmu lil Alla. Kompla li l-Madonna kienet hemm għal Eliżabetta meta kienet tqila, u tkun hemm dejjem għalina wkoll fil-ħtiġijiet tagħna. Fl-omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, il-Papa indirizza wkoll it-tema tat-Trinita Qaddisa u qal li l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma ħaġa waħda. Qal li l-Missier hu l-figura ewlenija, hu li ħalaq kollox u ħalaq lilna. L-iben, Ġesu, qal li hu s-salvatur li ġie fid-dinja biex jagħti ħajtu għalina, filwaqt li l-Ispirtu s-Santu qal li jagħtina l-imħabba t’Alla.
Żied li l-ħajja nisranija tfisser komunikazzjoni mat-Trinita. Kompla li hu Ġesu li jimxi magħna u jagħtina l-qawwa li nissuktaw bil-vjaġġ tal-ħajja, anki fi żminijiet diffiċli. Temm jgħid li Ġesu qatt ma jitbiegħed minna.