Il-Papa Franġisku mistenni li jkompli u jlesti l-enċiklika dwar il-fidi li nbdiet il-ħidma fuqha mill-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, fil-pontifikat preċedenti. Din hija t-tradizzjoni marbuta ma’ xogħol mibdi minn pontifikat li imbagħad jgħaddi għall-ieħor. Kien il-Kelliemi għall-Vatikan, Patri Federico Lombardi, li kkonferma dan waqt li qal li hu prematur biex wieħed jgħid meta se titlesta.
Il-kummenti segwew rapporti fil-media Taljana li allegaw li se jkun il-Papa emeritus Benedittu XVI nnifsu li jtemm l-enċiklika. L-allegazzjoni hu mifhum li ssib il-bażi tagħha f’artiklu tal-Isqof Luigi Martella ta’ Molfetta fl-Italja li fil-bulettin djoċesan kiteb li meta ltaqa’ mal-Papa Franġisku ftit tal-jiem ilu, flimkien ma’ Isqfijiet oħra mir-reġjun Taljan ta’ Puglia, Franġisku allegatament qalilhom li kien imħasseb dwar saħħet il-predeċessur tiegħu, anki jekk issa jidher li progressat. L-isqof Martella żied li l-Papa żvela magħhom li l-predeċessur tiegħu kien qed iwassal fi tmiemha l-enċiklika li hu stess beda dwar il-fidi, li finalment se tkun iffirmata minn Papa Franġisku.
Patri Federico Lombardi qal li kull ma seta’ jagħmel kien li jiċħad li l-Papa emeritus kien qed jaħdem dwar din it-tkomplija tal-enċiklika.