Il-Papa Benedittu XVI, meta indirizza lill-pellegrini fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan fir-raba’ Ħadd tal-Avvent, eżattament qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, tkellem dwar iż-żjara tal-Madonna lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta. Dan l-episodju, fi kliem il-Papa, “ma jirrappreżentax ġest ta’ kortesija, imma jlaqqa’ it-Testment il-Qadim mal-Ġdid”. Ikompli li Eliżabetta, imdaħħla fl-eta u mirakolożament fertili, tirrappreżenta lil Israel jistenna l-Messija. Il-Papa jinnota l-vers li lissnet Eliżabetta meta laqgħet lil Marija u qaltilha ‘Imbierka inti fost in-nisa’, u jispjega li fl-iskrittura ebrajka hu vers attribwit għal Jael u Ġuditta, li l-azzjonijiet erojċi tagħhom salvaw lil Israel mill-periklu. L-istes vers issa jingħad lil Marija li kellha twelled is-salvatur tad-dinja.
Il-Papa jissokta li l-ġrajja tal-viżitazzjoni turi s-sbuħija tal-ospitalita. Temm jgħid li “fejn hemm nies jilqgħu lil xulxin, fejn hemm attenzjoni għal xulxin, fejn hemm nies li jagħmlu spazju għal oħrajn – hemm jinsab Alla u l-ferħ li Hu jnissel!”