Katekeżi fuq San Ġużepp – 1. San Ġużepp u l-ambjent li fih għex
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fit-8 ta’ Diċembru 1870 il-Beatu Piju IX ipproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja universali. 150 sena wara dik il-ġrajja, qed ngħixu Sena speċjali ddedikata lil San Ġużepp, u fl-Ittra appostolika Patris corde ġbart xi riflessjonijiet fuq il-figura tiegħu. Qatt daqs illum, f’dan iż-żmien immarkat minn kriżi globali b’diversi xejriet fiha, ma jista’ jkun ta’ għajnuna, ta’ faraġ u ta’ dawl għalina. Għalhekk iddeċidejt li niddedikalu ċiklu ta’ katekeżi, li nittama li jistgħu jgħinuna iktar inħallu jdawluna l-eżempju u x-xhieda tiegħu. Għal xi ġimgħat se nitkellmu fuq San Ġużepp.
Fil-Bibbja jeżistu iżjed minn għaxar persunaġġi li jġorru l-isem Ġużeppi. L-iktar importanti fost dawn hu bin Ġakobb u Rakel, li għadda minn ħafna avventuri fejn minn ilsir sar it-tieni l-aktar persuna importanti fl-Eġittu wara l-Faragħun (ara Ġen 37-50). Isem Ġużeppi bil-Lhudi jfisser “Alla jkabbar”. Huwa awgurju, barka msejsa fuq il-fiduċja fil-providenza u b’riferenza partikulari għall-ħajja għammiela u għat-trobbija tal-ulied. Fil-fatt, proprju dan l-isem jurina aspett essenzjali tal-personalità ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret. Huwa bniedem mimli fidi fil-providenza tiegħu: jemmen fil-providenza ta’ Alla, għandu fidi fil-providenza ta’ Alla. Kull azzjoni tiegħu li jirrakkontalna l-Vanġelu hi ddettata miċ-ċertezza li Alla “jkabbar”, li Alla “jkattar”, li Alla “jżid”, jiġifieri li Alla jipprovdi biex il-pjan ta’ salvazzjoni tiegħu jimxi ’l quddiem. U, f’dan, Ġużeppi ta’ Nazaret jixbah ħafna lil Ġużeppi tal-Eġittu.
Anki r-riferimenti ġeografiċi ewlenin li jirriferu għal Ġużeppi – Betlehem u Nazaret – jassumu rwol importanti biex nistgħu nifhmu l-figura tiegħu.
Fit-Testment il-Qadim il-belt ta’ Betlehem hi msejħa bl-isem Beth Lechem, jiġifieri “Dar il-ħobż”, jew anki Efrata, minħabba fit-tribù li kien hemm jgħix f’dak it-territorju. Imbagħad bl-Għarbi l-isem ifisser “Dar il-laħam”, aktarx minħabba l-għadd kbir ta’ merħliet ta’ nagħaġ u mogħoż f’dik iż-żona. Fil-fatt, mhux b’kumbinazzjoni li meta twieled Ġesù, ir-ragħajja kienu l-ewwel xhieda tal-ġrajja (ara Lq 2:8-20). Fid-dawl tal-ħajja ta’ Ġesù, dawn l-allużjonijiet għall-ħobż u għal-laħam ifakkruna fil-misteru Ewkaristiku: Ġesù huwa l-ħobż ħaj li niżel mis-sema (ara Ġw 6:51). Hu stess qal dwaru nnifsu: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jgħix għal dejjem” (Ġw 6:54).
Betlehem tissemma kemm-il darba fil-Bibbja, sa mill-Ktieb tal-Ġenesi. Ma’ Betlehem hemm marbuta wkoll l-istorja ta’ Rut u Noemi, irrakkuntata fil-Ktieb żgħir imma stupend ta’ Rut. Rut kellha iben li semmietu Għobed li minnu mbagħad twieled Ġesse, missier is-Sultan David. U proprju min-nisel ta’ David joħroġ Ġużeppi, il-missier legali ta’ Ġesù. Fuq Betlehem, imbagħad, il-Profeta Mikea ħabbar ħwejjeġ kbar: “Imma int, Betlehem ta’ Efrata, ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael” (5:1). L-evanġelista Mattew jerġa’ jaqbad din il-profezija, u jorbotha mal-istorja ta’ Ġesù bħala t-twettiq ċar tagħha.
Fil-fatt, l-Iben ta’ Alla ma għażilx lil Ġerusalemm bħala l-post għall-inkarnazzjoni tiegħu, imma Betlehem u Nazaret, żewġ irħula periferiċi, imbiegħda mill-ħamba tal-kronaka u tal-poter ta’ dak iż-żmien. Imma Ġerusalemm kienet il-belt maħbuba mill-Mulej (ara Iż 62:1-12), il-“belt il-qaddisa” (Dan 3:28), magħżula minn Alla biex jgħammar fiha (ara Żak 3:2; Salm 132:13). Fil-fatt, hawn kienu joqogħdu l-imgħallmin tal-Liġi, il-kittieba u l-Fariżej, il-kapijiet tal-qassisin u x-xjuħ tal-poplu (ara Lq 2:46; Mt 15:1; Mk 3:22; Ġw 1:19; Mt 26:3).
Din hi r-raġuni għaliex l-għażla ta’ Betlehem u Nazaret turina li dak li hu periferiku u mwarrab għandu l-preferenza ta’ Alla. Ġesù ma twelidx Ġerusalemm bil-qorti rjali kollu miegħu …le: twieled f’periferija u qatta’ ħajtu, sa 30 sena, f’dik il-periferija, jaħdem ta’ mastrudaxxa, bħal Ġużeppi. Ġesù jippreferi l-periferiji u l-imkejjen imwarrba. Jekk ma niħdux din ir-realtà bis-serjetà, ma nkunux nieħdu bis-serjetà l-Vanġelu u l-opra ta’ Alla, li tissokta tidher fil-periferiji ġeografiċi u eżistenzjali. Il-Mulej jaġixxi dejjem fil-moħbi fil-periferiji, anki fir-ruħ tagħna, fil-periferiji tar-ruħ, tas-sentimenti, forsi sentimenti li jġagħluna nistħu; imma l-Mulej jinsab hemm biex jgħinna ħalli nimxu ’l quddiem. Il-Mulej ikompli juri ruħu fil-periferiji, kemm dawk ġeografiċi, kemm dawk eżistenzjali. B’mod partikulari, Ġesù joħroġ ifittex il-midinbin, jidħol fid-djar tagħhom, jitkellem magħhom, isejħilhom għall-konverżjoni. U għal dan jiġi wkoll imċanfar: “Int ara ftit, dan l-Imgħallem”, jgħidu l-għorrief tal-Liġi, “ara dan l-Imgħallem: jiekol mal-midinbin, iħammeġ idejh, imur ifittex lil dawk li l-ħażen m’għamluhx huma imma ġarrbuh: il-morda, l-imġewħin, il-foqra, dawk fl-aħħar post”. Ġesù jfittex dejjem il-periferiji. U dan għandu jimliena b’tant fiduċja, għax il-Mulej jaf il-periferiji tal-qalb tagħna, il-periferiji ta’ ruħna, il-periferiji tas-soċjetà tagħna, tal-belt tagħna, tal-familja tagħna, jiġifieri dik il-parti xi ftit mudlama li aħna ma nuruhiex forsi għax nistħu.
F’dan l-aspett, is-soċjetà ta’ dak iż-żmien mhix tant differenti minn tagħna. Illum ukoll jeżistu ċentru u periferija. U l-Knisja taf li hi msejħa xxandar il-Bxara t-tajba billi tibda mill-periferiji. Ġużeppi, li hu mastrudaxxa ta’ Nazaret u li jafda fil-pjan ta’ Alla għax-xebba mgħarrsa miegħu u għalih, ifakkar lill-Knisja kif għandha ssammar ħarsitha fuq dak li d-dinja apposta twarrab għall-ġenb. Illum Ġużeppi dan jgħallimna: “Tħarisx tant lejn il-ħwejjeġ li d-dinja tfaħħar, ħares lejn il-ġnub, ħares lejn id-dellijiet, ħares lejn il-periferiji, dak li d-dinja ma tridux”. Hu jfakkar lil kull wieħed u waħda minna li għandna nagħtu importanza lil dak li l-oħrajn iwarrbu u jarmu. F’dan is-sens hu tabilħaqq mgħallem tal-essenzjal: ifakkarna li dak li tassew jiswa ma jiġbidx l-attenzjoni tagħna, imma jitlob dixxerniment kollu sabar biex il-Knisja tista’ terġa’ tikseb din il-ħarsa, din il-ħila li tiddixxerni, din il-ħila li tgħarbel l-essenzjal. Ejjew nerġgħu nibdew minn Betlehem, nerġgħu nibdew minn Nazaret.
Illum nixtieq nibgħat messaġġ lill-bnedmin li qed jgħixu fil-periferiji ġeografiċi l-iżjed minsija tad-dinja jew li qed jgħixu sitwazzjonijiet fejn iħossuhom imwarrba fil-ħajja. Ħa ssibu f’San Ġużepp ix-xhud u l-ħarries li lejh tħarsu. Lejh nistgħu nduru b’din it-talba, talba “tad-dar”, imma li ħierġa mill-qalb:
San Ġużepp,
inti li dejjem fdajt f’Alla,
u għamilt l-għażliet tiegħek
imdawwal mill-providenza tiegħu,
għallimna ma nserrħux iżżejjed fuq il-proġetti tagħna,
imma fuq il-pjan tiegħu ta’ mħabba.
Int li ġej mill-periferiji,
għinna ndawru l-ħarsa tagħna
u nippreferu dak li d-dinja tarmi u twarrab fil-ġenb.
Farraġ lil min qed iħossu waħdu
u wieżen lil min fis-skiet qed iħabrek
biex jiddefendi l-ħajja u d-dinjità umana. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard