Is-sena d-dieħla, il-Papa se jkun qed iżur il-Ġermanja. Mill-bidu tal-pontifikat tiegħu fl-2005, din tkun it-tielet żjara lejn art twelidu. Il-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża, l-Arċisqof Robert Zollitsch ta’ Freiburg fi Breisgau, irraporta li l-Papa possibbilment jagħmel din iż-żjara f’Settembru, b’waqfiet f’Berlin, Freiburg u Erfurt.

L-Arċisqof, f’kummenti lil Radju Vatikan, qal li l-Papa se jkun qed ifakkar mument importanti fil-ħajja tal-pajjiż u fil-ħajja tal-Knisja.

“Ninsab sodisfatt ħafna li l-Papa laqaħ l-istedina tal-President, Christian Wulff, u tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża”, żied. “Iż-żjara tiegħu se ssaħħaħ il-Knisja tal-Ġermanja u s-servizz tiegħu lill-umanita u lis-soċjeta”.

L-Arċisqof Zollitsch qal li aktar dettalji dwar iż-żjara appostolika se jkunu ppubblikati iżjed tard qabel il-festa tal-Milied.

Il-Papa Benedittu XVI vjaġġa lejn il-Ġermanja f’Awissu 2005 għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Cologne, lejn Munich, Altoetting u Regensburg f’Settembru 2006.

VATICAN CITY, NOV. 19, 2010 (Zenit.org)