Għeżież Ħuti!

Illum, il-Ħadd tal-Ħniena Divina, l-Evanġelju jirrakkuntalna żewġ dehriet ta’ Ġesù Rxoxt lid-dixxipli u partikolarment lil Tumas, “L-Appostlu li ma emminx” (cfr Ġw 20,24-29).

Fir-realtà, Tumas m’hux l-uniku li jsibha bi tqila jemmen, anzi jirrappreżenta xi ftit lilna lkoll.  Infatti, mhux dejjem ħafifa li nemmnu, speċjalment meta, bħal fil-każ tiegħu, inkunu ġarrabna delużjoni kbira.  Wara delużjoni kbira t-twemmin isir diffiċli.  Kien mexa wara Ġesù għal tliet snin sħaħ, jaffaċċja riskji, inkonvenjenzi, imma l-Imgħallem spiċċa mislub qiesu delinkwent u ħadd ma ġie biex jeħilsu, ħadd m’għamel xejn!  Miet u l-biża’ waqa’ fuq kulħadd.  Kif jista’ wieħed jibqa’ fiduċjuż? Kif wieħed jista’ jkollu fiduċja fl-aħbar li tgħid li hu ħaj? Kien mimli dubju.

Però Tumas juri li hu kuraġġuż: filwaqt li l-oħrajn ingħalqu fiċ-ċenaklu minħabba l-biża’, hu joħroġ, bir-riskju li xi ħadd jista’ jagħrfu, jiddenunzjah u jarrestah. Nistgħu saħansitra naħsbu li, minħabba l-kuraġġ, jistħoqqlu aktar mill-oħrajn jiltaqa’ mal-Mulej irxuxtat. Iżda, minħabba li tbiegħed, meta Ġesù jidher l-ewwel darba lid-dixxipli nhar l-Għid filgħaxija, Tumas ma kienx magħhom u tilef l-okkażjoni. Kien inqata’ minn mal-komunità. Kif jista’ jirkupra l-għaqda magħha? Seta’ jagħmel dan biss billi jmur lura magħhom, jerġa’ lura hemm, f’dik il-familja li hu kien ħalliha mbeżża’ u mnikkta. Meta jerġa’ lura, jgħidulu li Ġesù kien mar għandhom, iżda hu jsibha bi tqila jemmen; irid jara l-pjagi tiegħu.  U Ġesù jikkuntentah: tmint ijiem wara, jidher mill-ġdid lid-dixxipli tiegħu u jurih il-pjagi, idejh, riġlejh, dawk il-pjagi li huma l-prova ta’ mħabbtu, li huma n-nixxiegħat dejjem igelglu tal-ħniena tiegħu.

Nirriflettu fuq dawn il-fatti.  Biex jemmen, Tumas ried sinjal straordinarju: imiss il-pjagi.  Ġesù jurihomlu, imma b’mod ordinarju, billi jiġi quddiem kulħadd, fil-komunità, mhux ‘il barra minnha. Qisu ried jgħidlu: jekk trid tiltaqa’ miegħi tmurx tfittex ‘il bogħod, ibqa’ magħqud mal-komunità, mal-oħrajn; u titlaqx lil hinn, itlob magħhom, aqsam il-ħobż magħhom. U dan jgħidu lilna wkoll.  Hemmhekk tistgħu ssibuni, hemmhekk nurik il-marki ta’ ġismi, is-sinjali tal-pjagi: is-sinjali tal-imħabba li tegħleb il-mibgħeda, tal-maħfra li teqred it-tpattija, is-sinjali tal-ħajja li tegħleb il-mewt. Huwa hemm, fil-komunità li inti tiskopri lil wiċċi, inti u taqsam ma’ ħutek il-waqtiet tad-dubju u tal-biża’, billi titħaddan b’qawwa akbar magħhom. Mingħajr il-komunità jkun diffiċli nsibu lil Ġesù.

Għeżieħ ħuti, l-istedina li saret lil Tumas tgħodd għalina wkoll. Aħna fejn qed infittxuh lill-Irxoxt? F’xi avveniment speċjali, f’xi manifestazzjoni reliġjuża spettakolari u impressjonanti, fl-emozzjonijiet jew fis-sensazzjonijiet tagħna biss? Jew fil-komunità, fil-Knisja, billi naċċettaw l-isfida li nibqgħu magħqudin magħha minkejja li mhix perfetta? Minkejja l-limitazzjonijiet kollha tagħha u l-waqgħat tagħha, li fil-fatt huma l-limitazzjonijiet tagħna u l-waqgħat tagħna. Ommna l-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu; huwa hemmhekk, fil-Ġisem ta’ Kristu, li għandna naraw u għad nibqgħu naraw ittimbrati l-akbar sinjali ta’ mħabbtu.  Nistaqsu lilna nfusna però, jekk, f’isem din l-imħabba, f’isem il-pjagi ta’ Ġesù, aħniex lesti li niftħu dirgħajna għal min hu miġrugħ mill-ħajja, bla ma neskludu lil ħadd mill-ħniena t’Alla, imma billi nilqgħu lil kulħadd; lil kulħadd bħala ħuna, oħtna.  Alla jilqa’ lil kulħadd, Alla lil kulħadd jilqa’.

Marija, Omm il-Ħniena, tgħinna nħobbu lill-Knisja u nagħmluha dar li tilqa’ fiha lil kulħadd. 

Wara r-Regina Caeli

Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn ħutna kollha, speċjalment fl-orjent, li llum qed jiċċelebraw l-Għid: għeżież, il-Mulej Irxuxtat ikun magħkom u jimliekom bl-Ispirtu Qaddis tiegħu! L-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll!

U, sfortunatament, b’kuntrast li jdarras meta mqabbel mal-messaġġ tal-Għid, il-gwerer għadhom għaddejjin, u qed ikomplu jiżirgħu l-mewt b’mod tat-twerwir. Ejjew inħossu n-niket minħabba dawn l-atroċitajiet u nitolbu għall-vittmi tagħhom, nitolbu lil Alla sabiex id-dinja qatt aktar ma jkollha tgħaddi mix-xokkijiet ta’ mwiet vjolenti mwettqin mill-bniedem, u minflok, tibqa’ mistagħġba bil-ħajja li Hu jagħti u li tiġġedded bil-grazzja tiegħu!

Qed insegwi bi tħassib kbir il-ġrajja li qed iseħħu fis-Sudan.  Jien qrib il-poplu Sudaniż li diġà hu mġarrab bil-kbir, u nistieden it-talb sabiex jissikktu l-armi u jsaltan id-djalogu, biex flimkien jerġgħu jibdew il-mixja lejn il-paċi u l-ftehim.

U niftakar ukoll f’ħutna li llum qed jiċċelebraw l-Għid fir-Russja u fl-Ukrajna.  Jalla l-Mulej ikun qribhom u jgħinhom jagħmlu paċi!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini! Insellem partikolarment lill-gruppi ta’ talb li jħaddnu l-ispiritwalità tal-Ħniena Divina, li llum qed jiltaqgħu fis-Santwarju ta’ Santo Spirito f’Sassia.  U, ċert li qed ninterpreta s-sentjenti tal-fidili tad-dinja kollha, indawwar ħsiebi bi gratitudni lejn il-memorja ta’ San Ġwanni Pawlu II, li f’dal-jiem safa vittma ta’ spekulazzjonijiet offensivi u bla bażi.

Insellem lill-gruppi li ġew minn Franza, mill-Brażil, minn Spanja, mill-Polonja, mill-Litwanja; liż-żgħażagħ mill-Kulleġġ Saint-Jean de Passy minn Pariġi flimkien mal-edukaturi u l-qraba tagħhom. Insellem lill-fidili minn Pescara, lill-istuednti mill-iskola Santa Maria ad Nives minn Genova u lill-adoloxxenti minn Marcheno, Brescia.

Insellem lill-iskwadri tat-tifi tan-nar minn diversi pajjiżi Ewropej miġburin f’Ruma minħabba l-manifestazzjoni kbira miftuħa għaċ-ċittadini. Grazzi tas-servizz li tagħtu!  U ngħidilkom ħaġa: meta nitlob għalikom nitlob grazzja: li ma jkollkomx x’tagħmlu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org