Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, Solennità ta’ Pentekoste, l-Evanġelju jeħodna fiċ-Ċenaklu, fejn l-appostli marru jfittxu kenn wara l-mewt ta’ Ġesù (Ġw 20,19-23). Nhar l-Għid filgħaxija, l-Irxoxt jippreżenta ruħu propju f’dik is-sitwazzjoni ta’ biża’ u qtigħ il-qalb u, waqt li nefaħ fuqhom qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (v. 22). Hekk, bid-don tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù jixtieq ineħħi l-biża’ mid-dixxipli, il-biża’ li kienet qed iżżommhom magħluqin id-dar, u jeħlishom, sabiex isibu ħila joħorġu u jsiru xhieda u ħabbara tal-Evanġelju. Nieqfu ftit fuq dan li jagħmel l-Ispirtu: jeħles mill-biża’.
Id-dixxipli kienu sakkru l-bieb, jgħidilna l-Evanġelju “minħabba l-biża’” (v. 19). Il-mewt ta’ Ġesù kienet ħarbtithom, il-ħolm tagħhom kien tfarrak, it-tamiet tagħhom għebu. U ngħalqu ġewwa. Mhux biss f’dik il-kamra, imma fihom infushom, fi qlubhom. Irrid nisħaq dan: magħluqin fihom infushom. Kemm drabi aħna wkoll ningħalqu fina nfusna? Kemm drabi minħabba sitwazzjoni diffiċli, minħabba xi problema personali jew tal-familja, minħabba t-tbatija li tgħakkisna jew minħabba l-ħażen li aħna mdawrin bih, nirriskjaw li ftit ftit niżżersqu lejn it-telf tat-tama u jonqosna l-kuraġġ li nibqgħu mexjin ‘il quddiem? Dan jiġri bosta drabi. U allura, bħall-appostli, ningħalqu fina nfusna, ningħalqu fil-labirint tal-preokkupazzjonijiet tagħna.
Ħuti, dan l-għeluq jiġri meta fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, inħallu l-biża’ tirkibna u tibda tikkmandana. Meta tfeġġ il-biża’, aħna ningħalqu. Għalhekk ir-raġuni hi l-biża’: il-biża’ li se nfallu, li se nibqgħu waħedna biex naffaċċjaw it-taqbid tal-ħajja ta’ kuljum, li nirriskjaw li nibqgħu delużi, li nagħmlu l-għażliet żbaljati. Ħuti, il-biża’ tiffriża, il-biża’ tipparalizza. U tiżola wkoll: niftakru fil-biża’ mill-ieħor, minn min hu differenti, minn min jaħsibha mod differenti. U jista’ jkun hemm ukoll il-biża’ minn Alla: se jikkastigani, għandu għalija… Jekk nagħmlu l-ispazju għal dawn il-biżgħat, il-bibien jingħalqu: il-bibien tal-qalb, il-bibien tas-soċjetà u l-bibien tal-Knisja wkoll! Fejn hemm il-biża’ hemm l-għeluq. U dan hu ħażin.
Però l-Evanġelju joffrielna r-rimedju tal-Irxoxt: l-Ispirtu s-Santu. Hu jeħlisna mill-jasar tal-biża’. Meta l-appostli jirċievu l-Ispirtu – dak li qed nagħmlulu festa llum – joħorġu miċ-Ċenaklu u jmorru fid-dinja jaħfru d-dnubiet u jxandru l-Aħbar it-Tajba. Bis-saħħa tiegħu negħlbu l-biża’ u jinfetħu l-bibien. Għaliex dan jagħmel l-Ispirtu: iġiegħelna nħossu l-qrubija ta’ Alla u hekk bl-imħabba tiegħu ikeċċi l-biża’, idawwal il-mixja, ifarraġ, iwieżen waqt il-kuntrarju. Quddiem il-biżgħat u l-għeluq, għalhekk, ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu għalina, għall-Knisja u għad-dinja kollha: ħalli Pentekoste ġdida tkeċċi l-biżgħat li jattakkawna u tkebbes fina mill-ġdid in-nar tal-imħabba t’Alla.
Marija Santissma, li kienet l-ewwel waħda mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tinterċedi għalina.
Sors: laikos.org