Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw14,1-12) huwa meħud mill-aħħar diskors ta’ Ġesù qabel ma’ miet. Id-dixxipli qalbhom imħawda, imma l-Mulej jgħidilhom kliem ta’ serħan il-moħħ, jistedinhom biex ma jibżgħux, tibżgħux: infatti, Hu mhux se jabbandunahom, imma sejjer iħejjilhom post u se jmexxihom lejn dik id-destinazzjoni. B’hekk illum il-Mulej qed juri lilna lkoll il-post meraviljuż fejn irridu mmorru, u, fl-istess ħin qed jgħidilna kif nistgħu naslu hemmhekk, jurina t-triq li għandna nimxu fiha. Jgħidilna fejn immorru u kif naslu,

Qabel xejn, fejn se mmorru. Ġesù jara li d-dixxipli huma mifxulin, jara l-biża’ tagħhom li se jisfaw abbandunati, propju kif jiġri lilna meta jkollna ninfirdu minn xi ħadd li ngħożżuh. U allura jgħid: “Sejjer inħejjilkom post (…), sabiex fejn inkun jien tkunu intom ukoll”( vv. 2-3).  Ġesù juża x-xbieha familjari tad-dar, imkien ta’ relazzjonijiet u intimità.  Fid-dar tal-Missier – jgħid lil ħbiebu u lil kull wieħed u waħda minna – hemm wisa’ għalik, int milqgħuh, se tintlaqa’ għal dejjem mis-sħana ta’ tgħannieqa, u jien qiegħed fis-Sema nħejjilek post!  Iħejjielna dik it-tgħannieqa mal-Missier, il-post għall-eternità kollha.

Ħuti, dan hu kliem ta’ faraġ, hu għajn ta’ tama għalina. Ġesù ma nfiridx minna imma fetħilna t-triq, antiċipa d-destinazzjoni aħħarija tagħna: il-laqgħa ma’ Alla l-Missier, li f’qalbu hemm post għal kull wieħed u waħda minna. Allura meta nġarrbu l-għejja, inħossuna mitlufin jew falluti, niftakru ‘il fejn hi sejra ħajjitna. M’għandniex naqalgħu għajnejna minn fuq id-destinazzjoni tagħna, jekk illum qed nirriskjaw li nitilfu dan, u ninsew il-mistoqsijiet finali, l-aktar importanti: ‘il fejn sejrin? Lejn xiex mexjin? X’inhu s-siwi tal-ħajja? Mingħajr dawn il-mistoqsijiet ħajjitna tkun bla fejda u tgħix biss fil-preżent, jidhrilna li għandna ngawduha mill-aħjar li nistgħu u nispiċċaw ngħixu kif jiġi, bla skop, bla għan. Iżda l-patrija tagħna hi fis-sema (cfr Fil 3,20), ma ninsewx kemm hi kbira u sabiħa d-destinazzjoni tagħna!

Ladarba nkunu skoprejna d-destinazzjoni, aħna wkoll, bħall-Appostlu Tumas fl-Evanġelju tal-lum, nistaqsu lilna nfusna: kif se naslu, liema hi t-triq? Kultant, l-aktar meta jkollna nħabbtu wiċċna ma’ problemi kbar, u jkollna sensazzjoni li l-ħażen hu aktar b’saħħtu, jiġi li nistaqsu: x’għandi nagħmel, liema hi t-triq li għandi nimxi fiha? Nisimgħu t-tweġiba ta’ Ġesù: “Jien it-triq, is-sewwa u l-ħajja” (Ġw 14,6). “Jien it-triq”. Ġesù nnifsu hu t-triq li għandna nsegwu biex ngħixu fil-verità u jkollna ħajja bl-abbundanza. Hu t-triq u għalhekk il-fidi fih mhix “pakkett ta’ ideat” li rridu nemmnuhom, imma triq li għandna nterrqu, vjaġġ li rridu nagħmlu, mixja flimkien miegħu. Hi mixja wara Ġesù għax Hu t-triq li twassal għall-hena li ma tintemm qatt.  Nimxu wara Ġesù u nimitawh, speċjalment b’ġesti ta’ qrubija u ħniena lejn l-oħrajn. Din hi l-boxxla biex naslu fis-Sema: inħobbu  lil Ġesù, it-triq, insiru sinjali ta’ mħabbtu fuq l-art.

Ħuti, ejjew ngħixu l-preżent, naħkmuh f’idejna imma ma nħalluhx iġorrna miegħu: inħarsu ‘l fuq, inħarsu lejn is-Sema, niftakru fid-destinazzjoni tagħna, niftakru li aħna msejħin biex ngħixu għall-eternità, għal-laqgħa ma’ Alla. U, mis-Sema għall-qalb, inġeddu llum l-għażla favur Ġesù, l-għażla li nħobbuh u li nimxu warajh.  Il-Verġni Marija, li bil-mixja tagħha wara Ġesù diġà waslet fid-destinazzjoni tagħha, tkun l-irfid tat-tama tagħna.

Sors: laikos.org