Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Għid it-tajjeb!

Illum, it-Tnejn fl-Ottava tal-Għid, l-Evanġelju (cfr Mt 28,8-15) jurina l-ferħ tan-nisa għall-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt: it-test jgħidilna li telqu minn fejn il-qabar “mimlijin ferħ” u “marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli” (v. 8). Dal-ferħ li jinbet propju mil-laqgħa personali mal-Irxoxt, hu emozzjoni indeskrivibbli, li jixprunahom biex ixerrdu u jirrakkuntaw dak li kienu raw.

Li taqsam il-ferħ hi esperjenza meraviljuża li nitgħallmu sa minn ċkunitna: naħsbu f’xi tfajjel li jġib marka tajba fl-iskola u jkollu ġenn imur juriha lill-ġenituri, jew xi żgħażugħ li jasal għall-ewwel suċċessi sportivi, jew f’xi familja li titwieled tarbija fiha. Kull wieħed u waħda minna, nippruvaw niftakru f’xi waqt tant hieni li saħansitra kien diffiċli nesprimuh bil-kliem, imma li xtaqna nirrakkunatwh minnufih lil kulħadd!

Nhar l-Għid filgħodu, in-nisa għexu din l-esperjenza, imma b’mod ferm aktar sfiq. Għaliex?  Għax il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu mhux biss aħbar stupenda jew it-tmiem sabiħ ta’ xi storja, iżda xi ħaġa li tibdlilna ħajjitna għal kollox u tibdilhielna għal dejjem! Hi r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, dan hu l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Hu r-rebħa tat-tama fuq il-qtigħ il-qalb. Ġesù ċarrat id-dlam tal-qabar u qed jgħix għal dejjem: il-preżenza tiegħu tista’ timla kollox bid-dawl tagħha. Miegħu, kull ġurnata ssir parti minn mixja eterna, kull “kuljum” jista’ jittama “f’għada”, kull tmiem f’bidu ġdid, kull waqt jimmira aktar ‘l hinn mil-limitazzjoni taż-żmien, lejn l-eternità.

Ħuti, il-ferħ tal-Qawmien mhux xi ħaġa mbegħeda. Hu qribna għal kollox, hu tagħna, għax ingħatalna dakinhar tal-Magħmudija. Minn dakinhar, aħna wkoll, bħan-nisa, nistgħu niltaqgħu mal-Irxoxt u Hu, kif qal lilhom, jgħidlilna: “Tibżgħux!” (v.10).  Ħuti, m’għandniex nirrinuzjaw għall-ferħ tal-Għid! Imma kif nistgħu mmantnuh dal-ferħ? Kif għamlu n-nisa: billi niltaqgħu mal-Irxoxt, għaliex Huwa hu l-għajn tal-ferħ li ma jintemm qatt.  Inħaffu biex niltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija, fil-maħfra tiegħu, fit-talb u fil-karità konkreta! Meta l-ferħ naqsmuh, jitkattar,  Ejjew naqsmu dal-ferħ tal-Irxoxt.

U l-Verġni Marija, li nhar l-Għid ferħet meta rat lil Binha rxuxtat, tgħinna nkunu xhieda ferrieħa tiegħu.

Sors: laikos.org