Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, fl-Italja u f’ħafna pajjiżi oħra qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-tlugh fis-sema tal-Mulej. Festa li nafuha sewwa iżda li tista’ tqanqal xi ftit mistoqsijiet, tnejn tal-anqas. L-ewwel waħda: għaliex qed nagħmlu festa lit-tluq ta’ Ġesù mid-dinja? Donnu jidher li t-tluq tiegħu hu mument ta’ niket, mhux eżattament xi ħaġa li tferraħ! Għaliex qed niffesteġġjaw tluq? L-ewwel mistoqsija. It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel issa Ġesù fis-sema? L-ewwel mistoqsija: għaliex il-festa? It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel Ġesù fis-sema?
Għala qed nagħmlu festa. Għax bit-tlugħ fis-sema ġrat xi ħaġa ġdida u mill-isbaħ: Ġesù ħa miegħu l-umanità tagħna, laħamna, fis-sema – għall-ewwel darba! Jiġifieri ħadha fi ħdan il-Missier. Dik l-umanità, li kien għamel tiegħu fid-dinja, ma baqgħetx hawn. Ġesù Rxoxt ma kienx spirtu, le, kellu ġisem uman, il-laħam, l-għadam, kollox, u hemm, f’Alla, għad jibqa’ għal dejjem. Nistgħu ngħidu li mill-jum tat-tlugħ fis-sema, Alla nnifsu “nbidel”: minn dakinhar ma baqax aktar biss spirtu, imma tant iħobbna li jġorr fuqu l-istess laħamna, l-umanità tagħna! Għalhekk l-imkien li aħna intitolati għalih ġie muri lilna, id-destin tagħna hemm jinsab. Hekk kien kiteb ukoll Missier tal-fidi tal-qedem: “Aħbar meraviljuża! Dak li sar bniedem għalina (…) biex jagħmilna ħutu, jippreżenta ruħu bħala bniedem quddiem il-Missier, biex jieħu miegħu lil dawk kollha li huma magħqudin miegħu (San Girgor ta’ Nissa, Diskors dwar il-Qawmien ta’ Kristu, 1). Illum qed niffesteġġjaw “il-kisba tas-sema”: Ġesù jerġa’ lura għand il-Missier imma bl-umanità tagħna. B’hekk is-sema diġà hu xi ftit jew wisq tagħna. Ġesù fetaħ il-bieb u l-ġisem tiegħu hemm jinsab.
It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel Ġesù fis-sema? Hu jinsab quddiem il-Missier għalina, il-ħin kollu jurih l-umanità tagħna, jurih il-pjagi. L-hena tiegħi naħseb li quddiem il-Missier, Ġesù jitlob hekk, billi jurih il-pjagi. “Dan hu dak li sofrejt għall-bnedmin: agħmel xi ħaġa!” Jurih il-prezz tal-fidwa, u l-Missier iħossu mqanqal. Din hi ħaġa li nħobb naħseb dwarha. Hekk jitlob Ġesù. Hu ma ħalliniex waħedna. Infatti, qabel ma tela’, qalilna, kif jgħidilna l-Evanġelju tal-lum: “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20). Dejjem magħna, jarana, dejjem “ħaj biex jidħol għalina” (Lhud 7,25), biex jaqbeż għalina. Biex juri l-pjagi tiegħu lill-Missier minħabba fina. Fi kliem ieħor, Ġesù jinterċedi; jinsab “fl-aħjar post” quddiem Missieru u Missierna, biex jinterċedi għall-vantaġġ tagħna.
L-interċessjoni hi fundamentali. Għalina wkoll dil-fidi hi għajnuna: tgħinna biex ma nitilfux it-tama, biex ma naqtgħux qalbna. Quddiem il-Missier hemm xi ħadd li qed jurih il-pjagi u jaqbeż għalina. Ir-Reġina tas-Smewwiet tgħinna biex ninterċedu bil-qawwa tat-talb.
Sors: laikos.org