Is-sotterran uniku tal-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex, fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex, jinsab miftuħ minħabba l-esebizzjoni bl-isem Shemà: Il-Wirja, organizzata mid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Barra esebiti prestiġjużi bħalma huma l-manuskritti oriġinali tat-traduzzjoni tal-Kotba Mqaddsa għall-Malti minn Pietru Pawl Saydon u Patri Eġidju Mizzi ofm conv. (b’dawn tal-aħħar qed jidhru fil-pubbliku għall-ewwel darba), kif ukoll pubblikazzjonijiet tal-aktar verżjonijiet bikrija tal-Kelma ta’ Alla miġjuba bil-Malti, il-wirja toffri itinerarju esperjenzali interattiv u awdjoviż li jgħin lil min iżurha jidħol iktar fil-fond tal-importanza tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tan-Nisrani, tal-Knisja u tas-soċjetà.

Fost esebiti oħra hemm fuħħar tal-epoka biblika, Bibbji Lhud, kif ukoll kopja ta’ Bibbja Protestanta maħruġa apposta għat-tieġ tal-Prinċep ta’ Wales (illum ir-Re Karlu III) fl-1981.

Wieħed jista’ japprezza wkoll il-ġmiel arkitettoniku tas-sotterran, mibni bil-ġebla Maltija, li serva bħala kantina għall-Palazz tal-Isqof ta’ Għawdex għal diversi snin, u llum imnaddaf u rinnovat.

Shemà: Il-Wirja għandha miftuħa sal-31 ta’ Mejju, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9am u s-1pm. Gruppi li jknu jridu jżuruha filgħaxija jistgħu jagħmlu appuntament fuq [email protected] jew 79851118.

Segwi l-intervista fuq Għawdex Jitkellem dwar Shemà hawn:

Sors: Newsbook.com.mt