Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
F’dat-tielet Ħadd tal-Għid, nerġgħu lura lejn Ġerusalemm, fiċ-Ċenaklu, qiesna mmexijin miż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li kienu semgħu b’emozzjoni kbira kliem Ġesù tul it-triq, u mbagħad għarfuh “fil-qsim tal-ħobż” (Luqa 24,35). Issa, fiċ-Ċenaklu Kristu Rxoxt jidher f’nofs il-miġemgħa tad-dixxipli u jsellmilhom: “Il-paċi magħkom!” (v. 36). Iżda huma beżgħu u ħasbu “li qed jaraw xi fantażma”, hekk jgħid l-Evanġelju (v. 37). Allura Ġesù jurihom il-ġrieħi f’ġismu u jgħid: “Araw idejja u riġlejja – il-pjagi -: jien hu! Missuni” (v.39). U biex jikkonvinċihom, jitlobhom l-ikel u jieklu huma u jħarsu lejh mistgħġbin (cfr vv. 41-42).
Hawnhekk, f’did-deskrizzjoni hemm dettall. L-Evanġelju jgħid li l-Appostli “bil-ferħ kbir li ħassew ma setgħux jemmnu lilhom infushom”. Tant kien kbir il-ferħ li ma setgħux jemmnu li dik kienet ħaġa minnha. U dettall ieħor: baqgħu mistgħaġbin, mistgħaġbin; mistgħaġbin għax il-laqgħa ma’ Alla dejjem tnissel fik l-istgħaġib: li jmur aktar ‘l hinn mill-entużjażmu, lil hinn mill-ferħ, hija esperjenza differenti. U dawn kienu ferħanin imma b’ferħ li lilhom ġagħalhom jaħsbu: le, dan ma jistax ikun minnu!… Huwa l-istgħaġib tal-preżenza t’Alla. Tinsewhx dan l-istat, li hu tant sabih.
Il-katatteristika ta’ dan l-Evanġelju huma tlett verbi konkreti għall-aħħar li, f’ċertu sens jirriflettu l-ħajja personali u komunitarja tagħna: tara, tmiss u tiekol. Tliet azzjonijiet li jistgħu jnisslu l-ferħ ta’ laqgħa vera ma’ Ġesù ħaj.
Tara: “Araw idejja u riġlejja” – jgħid Ġesù. Li tara ma jfissirx biss li tħares, hi xi ħaġa aktar, tħaddan fiha l-intenzjoni, ir-rieda. Huwa għalhekk li dan hu wieħed mill-verbi tal-imħabba. L-omm u l-missier jaraw lil binhom/binthom, il-maħbubin jaraw lil xulxin; it-tabib tal-affari tiegħu jara lill-pazjent bl-attenzjoni… Li tara hu l-ewwel pass kontra l-indifferenza, kontra t-tentazzjoni li ddawwar wiċċek in-naħa l-oħra quddiem id-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-oħrajn. Tara. Jiena nħares lejh jew narah lil Ġesù?
It-tieni verb hu ‘tmiss’. Meta stieden lid-dixxipli biex imissuh, biex jaċċertaw ruħhom li ma kienx fantażma – missuni! -, Ġesù juri lilhom u lilna wkoll li r-relazzjoni miegħu u ma ħutna ma tistax tibqa’ ‘mill-bogħod’, il-kristjaneżmu distanti ma jeżistix, m’hemmx kristjaneżmu li jibqa’ biss fuq il-livell tal-ħars. L-imħabba titlob li tara u titlob ukoll qrubija, titlob il-kuntatt, il-qsim tal-ħajja. Is-Sammaritan it-Tajjeb ma waqafx iħares lejn dak ir-raġel nofsu mejjet fit-triq: waqaf, miel, dewwielu l-ġrieħi, missu, u għabbieh fuq il-ħmar tiegħu u ħadu fil-lukanda. Ma Ġesù l-istess: li nħobbuh ifisser li nidħlu f’komunjoni ta’ ħajja, komunjoni miegħu.
U allura naslu għat-tielet verb, tiekol, li jesprimi sewwa l-umanità tagħna fl-aktar ħtieġa naturali tagħha, jiġifieri l-ħtieġa li nitmantnu biex ngħixu. Imma meta nieklu flimkien, fil-familja jew mal-ħbieb, dan isir espressjoni ta’ mħabba espressjoni ta’ komunjoni, ta’ festa… Kemm drabi l-evanġelji jippreżentawlna lil Ġesù waqt li jgħix din id-dimensjoni ta’ atmosfera ferrieħa! Irxuxtat, mad-dixxipli tiegħu ukoll. Sal-punt li l-Mejda ewkaristika saret l-emblema tal-komunità nisranija. Nieklu flimkien il-ġisem ta’ Kristu: dan hu l-qofol tal-ħajja nisranija.
Ħuti, dil-paġna tal-Evanġelju tgħidilna li Ġesù mhux “fantażma” iżda Persuna ħajja; (tgħidilna) li kull darba li Ġesù jersaq lejna jimliena bil-ferħ sal-punt li kważi lanqas inkunu rridu nemmnu, u jħallina mistgħaġbin, b’dak l-istgħaġib li taf tagħti biss il-preżenza t’Alla, għax Ġesù hu Persuna ħajja. Li tkun nisrani ma jfissirx li l-ewwel u qabel kollox tħaddan xi dutrina jew ideal morali, ifisser li jkollok relazzjoni ħajja miegħu, mal-Mulej Irxoxt: narawh, immissuh, nitrejqu bih u mibdulin mill-imħabba tiegħu, naraw, immissu u mmnatnu lill-oħrajn bħal ħutna. Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu din il-grazzja.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ, fl-Abazija ta’ Casamiri ġew dikjarati Beati Simone Cardon u ħames sħabu martri, monaċi ċisterċensi minn dik l-abazija. Fl-1799, meta suldati franċiżi ta’ Napuljun kienu qed jirtiraw minn Napli u kienu jissakkeġġjaw knejjes u monasteri, dawn id-dixxipli ġwejda ta’ Kristu irreżistew b’kuraġġ erojku, sal-mewt, biex ma jħallux li l-Ewkaristija tkun ipporfanata. Jalla l-eżempju tagħhom jixprunana biex inseddqu fina impenn ta’ fedeltà akbar lejn Alla, bil-ħila li jittrasforma s-soċjetà u jagħmilha aktar ġusta u fraterna. Applaws lill-Beati l-ġodda!
U din hi ħaġa ta’ niket. Qed insegwi bi tħassib kbir il-ġrajjiet f’xi nħawi tal-Ukrajna tal-lvant, fejn dawn l-aħħar xhur żdied sew il-ksur tal-waqfien mill-ġlied, u qed nosserva b’inkwiet kbir iż-żjieda tal-attivitajiet militari. Jekk jogħġobkom, nawgura bil-qawwa kollha li t-tensjonijiet ma jiżdidux, anzi, bil-maqlub, jitfittxew soluzzjonijiet li jistgħu ikattru l-fiduċja reċiproka u jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni u l-paċi, tant meħtieġa u tant nixtieqa. Nagħmlu tagħna wkoll is-sitwzzjoni umanitarja gravi li fiha tinsab il-popolazzjoni, u lilha nesprimilha l-qrubija tiegħi u nitlobkom titolbu għalihom. Sliem għalik, Marija….
Illum fl-Italja huwa l-Jum iddedikat lill-Università Cattolica tas-Sacro Cuore, li għal mitt sena ilha tagħti servizz prezzjuż fil-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Jalla tkun tista’ tkompli taqdi dil-missjoni edukattiva biex tgħin liż-żgħażagħ isiru protagonisti ta’ġejjieni għani bit-tama. Inbierek minn qalbi lill-impjegati, lill-professuri u lill-istudenti tal-Università Cattolica.
U issa tislima minn qalbi lilkom, rumani u pellegrini… brażiljani, pollakki, spanjoli… u qed nara bandiera oħra hemmhekk… Bil-grazzja t’Alla nistgħu nerġgħu nitlaqgħu mill-ġdid f’dil-pajzza għall-appuntament ta’ kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi. Ngħidilkom ħaġa: inħoss in-nuqqas tal-pjazza kull meta jkolli nagħmel l-Angelus mill-biblijoteka. Jien kuntent, għall-grazzja t’Alla! U grazzi likom tal-preżenza tagħkom…. Liż-żgħażagħ tal-Immakolata li huma bravi… u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos