Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju jkellimna dwar il-korrezzjoni fraterna (cfr Mt 18,15-20) li hi waħda mill-għola espressjonijiet tal-imħabba, u wkoll waħda mill-aktar impenjattivi għax mhux faċli tikkoreġi lill-oħrajn. Meta ħuk fil-fidi jagħmillek tort, int, bla ebda sens ta’ korla, għinu, ikkoreġih: ngħinu bil-korrezzjoni.
Iżda sfortunatament, l-ewwel ħaġa li tinħoloq madwar min ikun żbalja hi z-zekzik u t-tkeskis, li bih kulħadd isir jaf bl-iżball, bid-dettalji kollha, minbarra min hu interessat! Dan mhux sew, ħuti, lil Alla dan ma jogħġbux. Ma ngħejja qatt intenni li z-zekzik hu pesta għall-ħajja tal-persuni u tal-komunità, għax iġib il-firda, iġib it-tbatija, iġib l-iskandlu u qatt ma jgħin biex titjieb is-sitwazzjoni. Mgħallem spiritwali kbir, San Bernard, kien jgħid li l-kurżità sterili u l-kliem superfiċjali huma l-ewwel tarġiet tal-indana tal-kburija, li mhux talli ma ttellax ‘il fuq talli tniżżel ‘l isfel, u lill-bniedem tgerbu lejn it-telfien u r-rovina (cfr I gradi dell’umiltà e della superbia).
Minflok, Ġesù jgħallimna nġibu ruħna b’mod differenti. Dan jgħid illum: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu” (v. 15). Kellmu ras imb’ras, lealment, biex tgħinu jifhem fejn żbalja. U dan għamlu għall-ġid tiegħu, billi tegħleb il-mistħija u ssib il-kuraġġ veru, li mhuwiex li toqgħod tpaċpaċ bl-addoċċ, imma li tgħidlu l-affarijiet f’wiċċu bil-ħlewwa u l-ġentilezza.
Imma nistgħu nsaqsu u jekk ma jkunx biżżejjed? Allura jkun hemm bżonn infittxu l-għajnuna. Però, attenzjoni: mhux dik tal-grupp ristrett li jzekzek! Ġesù jgħid: “Ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra” (v. 16), u jrid jifhem li jkunu persuni li verament iridu jagħtu daqqa t’id lil dak ħuna jew lil dik oħtna li żbaljaw.
U jekk xorta waħda ma jkunux iridu jifhmu? Allura, jgħid Ġesù, involvi lill-komunità. Imma hawn ukoll irridu niċċaraw: ma jfissirx li lill-persuna ngħadduha proċess u nġiegħluha tistħi pubblikament, iżda jfisser li ngħaqqdu l-isforzi ta’ kulħadd biex ngħinuha tinbidel. Mhux sew li nippuntaw subgħajna, anzi, ħaġa bħal din tagħmilha aktar diffiċli li dak li jkun jammetti li żbalja. Pjuttost, il-komunità għandha tgħin lilu jew lilha biex turiha li, filwaqt li tikkundanna l-iżball, hi qrib bit-talb u l-għożża lejn il-persuna, dejjem lesta biex toffrilha l-maħfra, tifhimha, u tgħinnha terġa’ tibda mill-ġdid.
U allura nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna: kif inġib ruħi jien ma’ min għamilli xi deni? Inżomm f’qalbi u nġemma’ r-rabja? “Inpattihielek”: dil-kelma nisimgħuha tant drabi “inpattihielek…”. Li ġara nużah biex inzekzek minn wara dahar dak li jkun? “Taf x’għamel dak?” eċċ…. Jew inkella jien kuraġġuz, kuraġġuża u nara kif nagħmel biex inkellem lilu, lilha? Nitlob għalih, għaliha, infittex l-għajnuna biex nagħmel il-ġid? U l-komunitajiet tagħna jerfgħu r-responsabbiltà ta’ min jaqa’, ħalli dak li jkun jista’ jerġa’ jqum u jibda ħajja ġdida? Il-Komunità tipponta subgħajha jew tiftaħ dirgħajha? Inti x’tagħmel tipponta sebgħek jew tiftaħ dirgħajk?
Marija li baqgħet tħobb minkejja li kienet tisma’ lil min ikkundanna lil Binha, tgħinna nfittxu dejjem it-triq tal-ġid.
Sors: laikos.org